L-MŻPN u L-FOIPN jappoġġaw b’mod sħiħ id-dikjarazzjoni tal-Kap tal-PN dwar gay marriage. Simon Busuttil qal li hemm bżonn li tiġi emendata l-liġi eżistenti sabiex gay marriage ikun legali f’pajjiżna.
Fi stqarrija, il-Kap tal-PN Simon Busuttil fakkar li meta faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers is-sena li għaddiet, Joseph Muscat kien ħareġ jgħid li se jintroduċi żwieġ bejn persuni tal-istess sess. Hu fakkar li dakinhar bħala Kap tal-PN kien qal li, “la darba unjoni ċivili diġà tagħti l-istess drittijiet u obbligi ta’ żwieġ ċivili, jien ma nara l-ebda diffikultà li nbiddlu l-isem u nsejħulu żwieġ.”
Simon Busuttil appella lill-Gvern biex ma jdawwarx anki din il-kwistjoni f’ballun politiku. Wisq anqas m’għandu juża lill-komunità LGBT kull darba li jkun dahru mal-hajt dwar l-iskandlu tal-Panama. Il-komunita’ LGBTIQ m’għandiex tintuża minn Joseph Muscat biex jiddevja l-attenzjoni kull darba li jkun f’rokna.
Fl-istqarrija l-PN staqsa għaliex il-gvern qagħad jistenna dan il-mument biex jerġa’ jiddikjara li se jmexxi b’din il-liġi?
Minn naħa tagħhom l-MŻPN, il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista u l-FOIPN, il-Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista, qalu li huma jħossuhom kburin li l-Partit Nazzjonalista qed jappoġġja din it-tema li dwarha l-Kap Simon Busuttil dejjem kien konsistenti dwarha. Qalu wkoll li din il-materja m’għandiex tkun politiċizzata. Hawn il-moviment u l-forum qalu li l-gvern kull darba li ġie dahru mal-ħajt dwar l-iskandlu Panama Papers dejjem jitkellem dwar is-sapport tiegħu lejn persuni gay.
Fl-istqarrija huma qalu li l-komunita’ LGBTIQ m’għandiex tiġi użata għall-konvenjenza politika. Hawn huma għamlu referenza għall-kummenti tal-konsulent tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Glenn Bedingfield li b’mod regolari jikteb kummenti omofobiċi fuq il-blog tiegħu u li dwarhom il-Prim Ministru qatt ma tkellem jew ħa xi forma taż azzjoni.
L-istqarrija t-temm tgħid wkoll li bħal Kap tal-PN Simon Busuttil jemmnu li żwieġ bejn koppji tal-istess sess għandu jkun dritt ċivili għal kulħadd.
//= $special ?>