Lokali

FILMAT: It-tnedija tas-sit il-ġdid ta’ Net News

Rosette Thake: Il-proġett innovattiv ta’ netnews.com.mt hu wieħed li se jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ġurnaliżmu ta’ Net News

Is-sit elettroniku netnews.com.mt għandu dehra ġdida – sit li se jkompli jwassal aħbarijiet bl-aħħar dettalji u żviluppi kemm lokali, kif ukoll internazzjonali. Permezz ta’ dan is-sit ġdid, il-qarrejja u s-segwaċi ta’ Net News se jkunu jistgħu jaċċessaw l-aħbarijiet b’mod iktar faċli.

Barra l-aġġornar tat-taqsim u d-disinn ta’ netnews.com.mt – is-sit qed jippreżenta aċċessa aħjar mill-mobiles u anke mit-tablets – b’format ġdid li jagħmel il-portal tal-aħbarijiet fost l-aktar moderni u faċli għall-użu.

Mis-sit il-ġdid ukoll hemm aċċessibbiltà aħjar għas-servizz ta’ online streaming, kemm ta’ Net Television u anke ta’ Radio 101.

It-tnedija tad-dehra l-ġdida ta’ netnews.com.mt saret ilbieraħ waranofsinhar fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, propju fil-ħin li s-sit il-ġdid mar online.

Waqt din l-attività ċ-Chairperson ta’ Media.link u Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista , Rosette Thake, stqarret li dan kien proġett innovattiv u wieħed li se jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ġurnaliżmu ta’ Net News.

Waqt l-istess attività, Net News tkellem ma’ Fabian Demicoli, il-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ Net News dwar is-sit netnews.com.mt fejn spjega li l-aċċessibbiltà u d-dehra kienu fost l-aktar punti prinċipali li ħeġġeġ dan it-tiġdid.
Issa li Net News għandu s-sit tal-aħbarijiet mill-aktar modern, jista’ jkompli jinforma l-pubbliku bl-aħħar aħbarijiet aħjar minn qatt qabel.

Sa mill-bidu tiegħu, permezz tal-ħidma kollettiva tal-ġurnalisti fil-kamra tal-aħbarijiet, Net News minn dejjem stinka sabiex wassal l-aħħar u l-aħjar aħbarijiet fosthom l-elezzjonijiet, avveniment storiċi, inċidenti fatali u ġrajjiet oħra. Apparti minn hekk, Net News ħadem ukoll fuq numru ta’ stejjer esklussivi.

B’hekk, b’dan l-aġġornar tas-sit il-ġdid, il-ġurnalisti ta’ Net News se jkunu jistgħu jwasslu aħjar il-messaġġ. Net News se jkompli jkun is-sit elettroniku li jwassal l-aħbar dejjem l-ewwel għandek.