Lokali Parlament

Jeħtieġ azzjoni dwar il-vetturi barranin f’Malta

Id-deputat Nazzjonalista Ċensu Galea appella biex ikun hemm azzjonijiet u miżuri dwar il-barranin li jiġu Malta b’vetturi bi pjanċi barranin u li fuqhom mhux isir kontroll.

Meta kien qed jitkellem fid-dibtatitu parlamentari dwar emendi għar-regoli tat-traffiku Ċensu Galea qal li kull sena jweġġgħu 2,000 persuna fl-inċidenti tat-traffiku; li hu numru kbir li għandha issir kampanja biex jitnaqqas. Dan filwaqt li s-sena li għaddiet kien hemm 21 mewt fit-toroq Maltin. Hu tkellem dwar il-pubbliku li juża t-toroq u qal li hawn min jaħseb li jista’ jaqsam minn fejn irid. Għalhekk mhux dejjem ikun tort tax-xufier li jseħħu l-inċidenti.

Hu semma l-pieni li jistgħu jingħataw persuni li jikkaġunaw feriti jew anki mwiet involontarji f’inċidenti tat-traffiku u qal li kull persuna jrid jara li ma jkunx imtajjar biex il-pubbliku ma jkunx is-sors ta’ inċidenti u inkwiet għal ħaddieħor.

Dwar is-sistema ta’ punti, hu qal li meta daħlet din is-sistema l-idea kienet li fi tliet snin xufier li jakkumula l-punti jitlef il-liċenzja. Hu sewwa li s-sistema tal-punti tkun għax-xufiera kollha fil-pajjiż.

Jeħtieġ li jkun hemm deċiżjoni dwar il-karrozzi barranin li hawn fil-pajjiż mhux biex ma jiġux fil-pajjiż iżda biex ikun hemm kontroll. Ma jistax ikun li l-barranin jistgħu jipparkjaw fejn iridu u jagħmlu li jridu minħabba li m’hemmx il-kontrolli meħtieġa.

Għalhekk jeħtieġ li jkun hemm l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar dawn il-persuni barranin fuq l-istess modi kif hemm f’pajjiżi barranin.

Dwar il-clamping u t-towing, Ċensu Galea espriema diżappunt li jidher li m’hemmx soluzzjoni dwar min se joħroġ l-avviżi legali dwar dan is-settur. Hu qal li hemm inċertezza dwar il-wardens u dwar il-futur tagħhom. Sena u nofs ilu ddaħħlet is-sistema differenti tal-LESA fejn hemm amministrazzjoni differenti minn qabel iżda n-nies mhux qed jaraw progress anzi hemm frustrazzjoni kontinwa. Meta tkellem dwar ix-xorb, Ċensu Galea espriema qbil li min isuq vetturi kummerċjali ma jkun jista’ jixrob xejn.