Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

“Jidher li hu każ tipiku ta’ ħasil ta’ flus” – L-MEP Giegold fuq l-iskandlu Panama Papers f’Malta

L-MEP Ġermaniż jinsab ixxukjat kif għadha ma saret l-ebda investigazzjoni fuq Konrad Mizzi u Keith Schembri mill-Pulizija Maltija – minkejja li kollox qiegħed jindika li dan huwa każ klassiku ta’ korruzzjoni.

“Jidher li għadu kmieni wisq biex ikollna konklużjoni fuq dak li mill-ewwel daqqa t’għajn jidher każ tipiku ta’ ħasil ta’ flus” – stqarr dan l-MEP Ġermaniż Sven Giegold waqt l-investigazzjonijiet tal-Kumitat PANA f’Malta dwar l-iskandlu li tebba’ isem pajjiżna bl-involviment tal-Gvern Malti – l-Panama Papers.

Il-gazzetta MaltaToday ippublikat il-kummenti ta’ Giegold, fejn dan kompla billi stqarr pubblikament li jinsab ixxukjat kif għadha ma saret l-ebda investigazzjoni fuq Konrad Mizzi u Keith Schembri mill-Pulizija Maltija – minkejja li kollox qiegħed jindika li dan huwa każ klassiku ta’ korruzzjoni.

Sven Giegold stqarr li dawk li ġew f’pajjiżna jinvestigaw ma humiex Imħallfin – pero l-Ministru Konrad Mizzi lanqas ma kien daqstant kapaċi jirrispondi u jikkonvinċina li t-trust li fetaħ ma kinitx intenzjonata biex jagħmel business, u għaldaqstant profitt personali.

Il-gazzetta Times of Malta żvelat ukoll, li l-grupp ta’ Ewroparlamentari tal-Kumitat PANA stqasew lill-Ministru Konrad Mizzi għalfejn il-kumpanija Nexia BT uriet emails fejn il-kumpanija tiegħu fil-Panama twaqqfet bl-iskop li ddaħħal profitti minn riċiklaġġ ta’ skart fiċ-Ċina, fl-Indja u fl-Lvant Nofsani – bil-Ministru Konrad Mizzi jirrispondi li l-konsulenti ta’ Nexia BT tfixklu l-kumpaniji tiegħu ma’ dawk ta’ Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Iżda l-istorja ma waqfitx hawn – bl-MEPs ikomplu jistaqsu jekk il-kumpanja Nexia BT ivvintatx u implikatx affarijiet fuq Konrad Mizzi mingħajr l-awtorizazzjoni tiegħu. Konrad Mizzi rrisponda billi qal li hu qatt ma kellu businesses – u dawn kienu kollha ta’ Keith Schembri. Saħansitra, Konrad Mizzi qal li hu qatt ma talab għal kont bankarju biex fih jitfa’ miljun ewro fis-sena fih, minkejja li hemm korrispondenza li turi l-kontra.

It-tielet kumpaniji sigrieta Egrant – li s’issa s-sid tagħha għadu ma ġiex żvelat – ukoll kienet fuq l-aġenda tal-Kumitat PANA. Brian Tonna, il-persuna li tmexxi Nexia BT, irrifjuta li jattendi għall-mistoqsijiet tal-Kumitat PANA – dan wara li l-Ħadd li għadda inqabad f’gidba jgħid li Egrant hija tiegħu, mentri hemm email ċara tgħid li dan mhuwiex veru.

Fuq dan il-każ ta’ Egrant, Giegold qal li minkejja li Tonna jista’ jkun li għandu 1% tat-tielet kumpanija sigrieta’, il-bqija tad-99% tal-kumpanija jista’ jkun li hi ta’ ħaddieħor li ismu għadu ma sarx magħruf.

Il-każ tal-Panama Papers iddomina l-media internazzjonali madwar sena ilu, fejn inkluż mal-listi ta’ mexxejja dittaturi u nies minn pajjiżi b’fundazzjonijiet korrotti – spikkaw l-ismijiet tal-Minsitru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri li fetħu kumpaniji sigrieti offshore.

Issa, l-Kumitat PANA huwa mistenni li jibgħat rapport dwar l-investigazzjonijiet tagħhom f’Malta dwar il-ħasil ta’ flus, l-evitar u l-evażjoni ta’ taxxi.