Lokali

Jitnieda s-sit il-ġdid netnews.com.mt

Id-dehra moderna tal-portal il-ġdid netnews.com.mt
Aħbarijiet kontinwament aġġornati u aċċessibbli b’mod iktar faċli, kemm minn fuq laptop, tablet u anki mobile.

Aktar kmieni llum ġie mniedi s-sit elettroniku ġdid ‘Netnews.com.mt’. Dan is-sit se jkun fih aħbarijiet li se jkunu kontinwament aġġornati bl-aħħar dettalji u żviluppi ta’ dak li jkun qed iseħħ kemm f’Malta u f’Għawdex, aħbarijiet internazzjonali, aħbarijiet sportivi, kurżitajiet, stejjer umani u aktar.

Permezz ta’ dan is-sit ġdid, qarrejja u segwaċi ta’ Net News se jkunu jistgħu jaċċessaw l-aħbarijiet b’mod iktar faċli, kemm minn fuq laptop, tablet u anki mobile.

Sa mill-bidu tiegħu, permezz tal-ħidma kollettiva tal-ġurnalisti fil-kamra tal-aħbarijiet, Net News minn dejjem stinka sabiex wassal l-aħħar u l-aħjar aħbarijiet fosthom l-elezzjonijiet, avveniment storiċi, inċidenti fatali u ġrajjiet oħra. Apparti minn hekk, Net News ħadem ukoll fuq numru ta’ stejjer esklussivi. Fost dawn l-istejjer riċentament insibu l-istorja tal-isparatura tax-xufier tal-eks Ministru Manuel Mallia, meta ġew żvelati telefonati rrikordjati li kien hemm fil-control room tal-Pulizija, l-inċident ta’ Paceville li fih indarbu diversi żgħażagħ, l-inċident li seħħ waqt l-attività Paqpaqli għall-Istrina, it-tiġrif tal-ajruplan Franċiż f’Malta u l-hijack tal-ajruplan f’Diċembru li għadda.

B’hekk, permezz tas-sit il-ġdid, Net News se jkompli jwassal l-aħħar aħbarijiet b’iktar ħidma u impenn lejn il-qarrejja tiegħu.

Apparti minn rapurtaġġi u filmati rrekordjati, Netnews.com.mt se jkun qed jinkludi wkoll il-possibiltà ta’ live streaming tal-istazzjoni Net Tv u kif ukoll ta’ Radio 101.