Seba’ pjaneti, li huma simili għad-dinja li ngħixu fiha, instabu jorbitaw madwar stilla ‘dwarf’ imsemmija Trappist-1, u kollha kemm huma jista’ jkollhom l-ilma bħala riżors fuq il-wiċċ tal-art. Tlieta minn dawn il-pjaneti tant għandhom kundizzjonijiet tajbin li l-ixjentisti qed jgħidu li aktarx jista’ jkun hemm ħajja li evolviet fuqhom.
Riċerkaturi stqarru li dan għadu biss il-bidu, hekk kif se jsiru jafu biċ-ċert jekk hemmx ħajja jew le fuq dawn il-pjaneti fl-għaxar snin li ġejjin. S’issa l-ebda sistema solari ma nstabet li għandha daqstant pjaneti li jixbħu lid-dinja tagħna. Il-pjaneti li nstabu huma kważi l-istess qies tad-dinja u sitta minnhom għandhom it-temperaturi ta’ bejn 0 u 100 grad celsius.
Dawn il-pjaneti qegħdin madwar 39 ‘light year’ il-bogħod mid-dinja tagħna. Ir-riċerkaturi stqarru li hemm tlieta minn dawn is-seba’ pjaneti li jinsabu f’kundizzjonijiet abitabbli, u għaldaqstant huwa possibili li għandhom oċejani ta’ ilma bil-ħajja tevolvi fihom diġa’.
L-astronomu Michaël Gillon, wieħed mill-mexxejja ta’ dan l-istudju fl-Universita’ ta’ Liège fil-Belġju, stqarr li l-pubbliku se jkompli jisma’ aktar dwar dawn il-pjaneti fix-xhur u snin li ġejjin.
//= $special ?>