Dokumenti tal-Gvern juru li d-disinjatrici tal-moda Mary Grace Pisani li hi magħrufa li tipprovdi l-ħwejjeġ lill-mara tal-Prim Ministru Michelle Muscat, tħallset aktar minn mitt elf ewro bħala direct order għall-programm kontroversjali tal-ħjata ta’ purtieri fil-ħabs fis-sena 2014 ghar-Residenza San Vincenz de Paul.
Rapport fit-Times of Malta ta’ nhar it-Tlieta jgħid li dan l-ammont hu ta’ madwar terz tad-direct orders kollha li ħarġu s’issa mill-awtoritajiet tal-ħabs matul din il-leġislatura.
Din l-informazzjoni ingħatat fil-Parlament mill-Ministru tal-Intern Carmelo Abela meta kien qed iwieġeb mistoqsija Parlamentari tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.
Fil-fatt matul is-sena li għaddiet kienet qamet kontroversja meta kien irrappurtat li l-priġunieri nisa kien tqabbdu jħitu purtieri bħala parti mill-programm tal-għaqda Marigold Foundation immexxija minn Michelle Muscat.
Dan il-programm ġab kritika wara li l-priġunieri ilmentaw li ma kinux tħallsu eluf ta’ ewro li kienu dovuti lilhom għax-xogħol li għamlu. Eventwalment jidher li l-priġunieri tħallsu wara li l-każ sar pubbliku.
Il-Ministru tal-Intern ma weġibx mistoqsijiet għaliex il-materjal inxtara mingħand Mary Grace Pisani u jekk dan inxtarax bi prezz tas-suq.
Lanqas ingħata raġuni għaliex id-direct order inħarġet mill-ħabs u mhux mir-Residenza San Vinċenz de Paul.
//= $special ?>