Lokali

Awguri Giovanni Bonello! – Rigal lil eks Imħallef u lil pajjiżna

Rigal lill-Imħallef Giovanni Bonello imma wkoll lil pajjiżna – hekk qed jiġi deskritt il-ktieb Awguri Giovanni Bonello! li ġie ppubblikat il-Ħamis filgħaxija.

Awguri Giovanni Bonello! jinkludi l-kontribuzzjoni ta’ għaxra mill-aqwa kittieba kontemporanji li middew idejhom għall-interpretazzjoni fittizja ta’ għaxar karattri storiċi mnebbħa mir-riċerka u l-kitbiet tal-Imħallef Giovanni Bonello.

Mill-fundatriċi tal-ewwel sptar tan-nisa f’Malta, għal nobbli fil-punt li jitlef ġidu kollu, għall-maħbuba ta’ Gran Mastru fis-satra tal-lejl, il-ktieb jipprova jiskopri ftit iktar dwar dak li seta’ forsi seħħ wara l-kwinti tal-istorja ta’ Malta.

Il-ktieb, li sar bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Patrimonju Malti, b’qoxra b’diżinn oriġinali ta’ Pierre Portelli u pubblikazzjoni ta’ Chris Gruppetta, tinkludi l-kontribuzzjonijiet ta’ John A. Bonello, Teodor Reljic, Clare Azzopardi, Walid Nabban, Kristina Chetcuti, Maria Grech Ganado, Mark Vella, Immanuel Mifsud, Alfred San u Emma Mattei.