Irridu nagħtu lura lill-poplu s-serenita’ u meta n-nies iqumu filgħodu mhux jistennew li jsiru jafu b’xi skandlu ġdid. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil hekk kif dalgħodu kellu laqgħa mal-Kunsill tal-Kamra Maltija tal-Kummerċ. Simon Busuttil qal wkoll li l-Gvern m’għandux ikun ta’ uġigħ ta’ras għall-komunita’ kummerċjali. Qal wkoll li għalhekk bħala Partit Nazzjonalista, bħala Oppożizzjoni qed joħorġu bi proposti u fuq kollox b’viżjoni għall-pajjiż.
Tul din il-laqgħa ġew diskussi d-diversi dokumenti li ppublika l-Partit Nazzjonalista f’dawn l-aħħar 4 snin. Dokumenti b’diversi proposti f’oqsma varji bħall-ekonomija, n-begozji ż-żgħar u l-ambjent fost oħrajn. Fost it-temi diskussi kien hemm il-paga minima li l-Kap tal-PN qal li wasal iż-żmien li tiżdied. Qal wkoll li nistgħu naslu għal dan permezz ta’ qbil bejn is-soċjeta’ ċivili, u allura inkluż min iħaddem.
Minn naħa tiegħu l-President tal-Kamra Maltija tal-Kummerċ, Anton Borg, tkellem dwar l-importanza li jkun hemm djalogu mal-politiċi fejn jidħol il-kummerċ. Dwar id-dokument tal-PN mmirat lejn in-negozi ż-żgħar, Borg qal li l-objettivi tiegħu huma fuq il-linja tal-Kamra tal-Kummerċ. Qal ukoll li bħala Kunsill tal-Kamra tal-Kummerċ jaqblu mal-proposta tal-PN dwar in-negozi żgħar- dik li tonqos ir-rata ta’ taxxa għas-sidien tal-ħwienet u n-negozji ż-żgħar għal 10% fuq l-ewwel €50,000 qligħ li jagħmlu.
Tema oħra diskussa tul il-laqgħa, li kienet miftuħa għall-mezzi tax-xandir għall-ewwel ftit minuti, l-governanza tajba li ż-żewġ naħat qablu li hemm bżonnha aktar minn qatt qabel u li fl-aħħar mill-aħħar tassigura ċertu stabbilta’ fil-pajjiż.
Il-Kap tal-PN kien akkumpanjat mill-Kelliem għad-Drittijiet taċ-Ċittadin Clyde Puli, l-Kelliema għas-Servizzi Finanzjarji Kristy Debono u l-Kelliem għan-Negozji ż-Żgħar Robert Arrigo.
//= $special ?>