Il-UĦM Voice of the Workers żvelat kif il-ħaddiema tal-Awtorita’ tax-Xandir kitbu ittra lill-Prim Ministru u permezz tagħha wrew it-tħassib tagħhom dwar il-mod kif il-post tax-xogħol tagħhom qed jitmexxa miċ-Chairperson preżenti, Tanya Borg Cardona.
Fl-ittra ffirmata, fl-għamla ta’ petizzjoni, il-ħaddiema saħqu li mindu l-Awtorita’ tax-Xandir bdiet titmexxa minn Tanya Borg Cardona, il-post tax-xogħol ħa daqqa kbira ‘l isfel. Skont il-ħaddiema, iċ-Chairperson m’għandha assolutament ebda idea dwar il-qasam tax-xandir u wara li ilha fit-tmun għal dawn l-aħħar 13-il xahar, hi ma kkontribwixxiet xejn sabiex tħares u tippromwovi l-liġi dwar ix-xandir.
Il-ħaddiema saħqu li l-uniku interess li ntwera minnha kien fid-dehra tal-uffiċċji ta’ l-Awtorita’ tax-Xandir milli fir-rwol li ġiet inkarigata biex taqdi. B’riżultat ta’ dan, l-Awtorita’ tax-Xandir spiċċat bla ebda viżjoni u mingħajr pjani għall-futur, partikularment issa li Elezzjoni Ġenerali tinsab wara l-bieb!
Fl-ittra tagħhom lill-Prim Ministru, il-ħaddiema qed jgħidu li ċ-Chairperson ġieli qalet fil-pubbliku li hi tiġi taqa’ u tqum mill-Kostituzzjoni u lanqas m’hi aġġornata fil-liġijiet u r-regolamenti. L-istess ħaddiema żiedu li l-karattru diffiċli tagħha xi kultant ikun manifestat f’intimidazzjoni u bullying mal-istaff, saħansitra anki mal-management. Tant hu hekk li kemm l-istaff kif ukoll il-management qed isibuha diffiċli ħafna u stressanti wisq biex jaħdmu ma’ Tanya Borg Cardona. Tant hemm tensjoni u tant qed iħossuhom intimidati, li l-ħaddiema mhux qed jikkonċentraw biżżejjed fuq xogħolhom kif inhu xieraq.
Il-ħaddiema fissru kif iċ-Chairperson qabdet u iddeċidiet li tittrasferixxi l-Awtorita’ mill-bini eżistenti fi Triq Mile End, il-Ħamrun – binja li żviluppat skont l-esiġenzi tal-Awtorita’. Is-sit il-ġdid fil-Belt Valletta, li jinsab fil-proċess biex jinkera, hu żgħir, ristrett u mhux adekwat għall-ħtiġiet tal-Awtorita’.
//= $special ?>