Minkejja l-propoganda sħiħa tal-Gvern, il-verità hi li l-familji Maltin u Għawdxin mhux qed igawdu miċ-ċifri li jitkellem dwarhom il-Gvern. Filwaqt li hu tajjeb li r-rapporti internazzjonali qed jibqgħu jkunu pożittivi dwar pajjiżna, kuntrarjament għall-Partit Laburista, l-Partit Nazzjonalista jemmen li l-aktar ħaġa importanti tal-ekonomija hi li din tkun għan-nies.
Il-Gvern ta’ Muscat m’għamel xejn biex l-ekonomija tibqa’ sejra bl-istess andament ekonomiku pożittiv li kienet sejra fih. L-uniku industrija ġdida li daħħal Muscat kienet l-industrija korrotta tal-positions of trust. Il-familji Maltin u Għawdxin, iżda, fi djarhom, ma jgħixux bil-positions of trust, iżda bix-xogħol siewi u ħidma ma taqta qatt minn filgħodu sa filgħaxija.
Il-fatt li f’pajjiżna, l-faqar żdied, mhux biss hu ta’ tħassib minħabba l-istatistika, iżda għaliex il-Gvern qed ifalli biex jindirizza l-isfidi li qed jaffaċċja min hu l-aktar batut, b’mod speċjali dawk li qed jgħixu bil-paga minima, kif ukoll b’kirjiet li qegħdin dejjem jgħolew.
Dwar il-fiduċja li rrefera għaliha Aaron Farrugia, l-kandidat Laburista bħal donnu nesa’ li lanqas iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi m’għandhom fiduċja fl-ekonomija ta’ pajjiżna, tant li biex jiftħu trust u kumpanija marru n-New Zealand u l-Panama rispettivament.
Filwaqt li Joseph Muscat jibqa’ jegħreq fil-korruzzjoni, l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil qed joħroġ bi proposti serji u konkreti għall-familji Maltin u Għawdxin, u li jassiguraw li l-ekonomija ma tkunx biss għal min għandu l-kumpaniji fil-Panama, iżda mill-ekonomija jgawdi l-poplu Malti u Għawdxi kollu.
//= $special ?>