Ewropa Lokali

“Il-gidba ta’ Konrad Mizzi se tiswieh qares”

David Casa stqarr li Konrad Mizzi hu raġel bla mistħija - u kull att kriminali se jitla' f'wiċċ l-ilma.

Iċ-Chairman tal-Kumitat PANA diġa’ stqarr li kollox qed jindika li dan huwa każ ta’ ħasil ta’ flus. L-aħbar il-ġdida li Konrad Mizzi gideb sfaċċatament lill-Kumitat PANA mhux se tgħinu” – stqarr dan il-Kap tad-Delegazzjoni Ewropea Nazzjonalista David Casa.

David Casa ta din ir-reazzjoni għall-aħbar li ġiet irrappurtata llum fejn Konrad Mizzi qal lill-MEPs, li ġew jinvestigaw f’Malta il-każ tal-Panama Papers, li r-referenza għall-miljun dollaru li kien se jiddeposita fis-sena mill-business tar-riċiklaġġ ġie imniżżel fuqu bi żball – għax sippost tniżżel fuq Keith Schembri. Issa sar magħruf illi fil-korrispondenza ta’ emails li ġew żvelati meta faqqa’ l-iskandlu Panama Papers, turi biċ-ċar li fil-bijografija ta’ Konrad Mizzi hemm imniżżel l-pjanjiiet futuri għall-innegozjar tal-business tal-iskart u dawn huma imniżżla intenzjonalment f’dan l-email.

Minn barra l-bijografija u l-esperjenza tal-Ministru fis-settur, hemm referenza wkoll għall-impjieg tal-mara tal-Ministru Sai Mizzi.

Nhar it-Tnejn li għadda, Membri tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew li qegħdin jinvestigaw l-każ ta’ ħasil ta’ flus, evitar u evażjoni ta’ taxxi – il-Kumitat PANA – ġew f’Malta biex jidħlu aktar fid-dettall tal-iskandlu tal-Panama Papers li ħakem lil dan il-Gvern.

Il-Kap tad-Delegozzjoni David Casa temm jgħid li Konrad Mizzi hu raġel bla mistħija – kull att kriminali se jiġi mikxuf. Persuna tista’ teħel sa 18-il sena ħabs minħabba ħasil ta’ flus.