Internazzjonali

Il-militar Russu jammetti l-impenn ċibernetiku fil-gwerra għall-informazzjoni

Il-militar tar-Russja ammetta, għall-ewwel darba, l-iskala tal-gwerra għall-informazzjoni minn Moska, fejn qal li l-impenn ċibernetiku kien estiż fuq livell sinifikanti fl-era ta’ wara l-Gwerra Bierda.

Il-Ministru tad-Difiża Russu, Sergei Shoigu, qal li ‘s-suldati għall-ġbir ta’ informazzjoni’ tar-Russja kienu involuti ‘fi propaganda intelliġenti u effettiva’, għalkemm ma żvelax dettalji dwar il-mira ta’ Moska.

Intant, l-aħħar rapporti qalu li l-Alleanza (tal-Punent) tan-NATO saret mira ewlenija ta’ Moska f’din il-gwerra għall-informazzjoni. Dan meta osserrvaturi qalu li l-iskop tar-Russi hu ‘li jikkontrollaw kwalunkwe forma ta’ informazzjoni għall-interessi tagħhom’.

Matul il-Gwerra Bierda, l-eks Unjoni Sovjetika komunista u l-Punent investew riżorsi kbar fil-propaganda biex jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika fuq livell dinji filwaqt li jferrxu l-ideoloġiji rivali ta’ xulxin.