David Davis, il-membru tal-Kabinett Ingliż inkarigat mill-Brexit, qal li r-Renju Unit ma kienx se jaqbad u jsabbat il-bieb għal dawk il-ħaddiema mill-UE li jmorru fil-pajjiż biex jaħdmu.
Hu wissa li jridu jgħaddu “snin u snin” biex il-ħaddiema Ingliżi jieħdu l-post ta’ dawk il-barranin li hemm bħalissa jħadmu fil-pajjiż. Davis, waqt żjara f’Tallinn, il-kapitali tal-Estonja, żied li wieħed ma jridx jistenna li għaliex il-pajjiż se jkun qed jitlaq mill-UE, f’daqqa’ waħda jieqaf dak kollu li kien marbut mal-UE.
Davis żied li l-immigranti kienu għenu biex l-ekonomija Ingliża tissaħħaħ. Il-kummenti ta’ Davis mistennija jqanqlu kritika minn dawk l-estremisti favur il-Brexit. Partikolarment peress li l-Prim Ministru Theresa May kienet qalet li l-Gvern ta’ Londra kien se jkollu kontroll fuq min jidħol fil-pajjiż kienet se tkun il-bidla ewlenija tal-Brexit.
Il-Gvern qal ukoll li t-tir kien li l-immigrazzjoni lejn il-pajjiż tinżel għal anqas minn 100,000 kull sena.