Suldati tal-Armata tal-Iraq irnexxielhom jieħdu l-kontroll tal-ajruport ta’ Mosul, bħala parti mill-offensiva tal-Gvern fuq l-ISIS f’din l-aħħar fortizza tal-ISIS fil-pajjiż.
L-offensiva qed issir fuq il-parti tal-Punent ta’ Mosul wara li z-zona tal-Lvant ta’ din il-belt kienet waqgħet f’idejn il-qawwiet Iraqqin, ftit tal-ġimgħat ilu.
Filwaqt li truppi daħlu fil-kumpless tal-ajruport u kkonsolidaw il-kontroll fl-inħawi tal-mitjar, it-terroristi tal-ISIS komplew bir-reżistenza fanatika, fost l-isparar kontinwu fuq il-qawwiet tal-Gvern. L-aħħar rapporti qalu wkoll li t-truppi tal-Gvern kienu anki qed jassedjaw bażi militari viċin tal-ajruport.
In-Nazzjonijiet Uniti ilha inkwetata dwar iċ-ċivili li spiċċaw maqbudin fiz-zoni ta’ Mosul, meta r-rapporti qalu li dawn jistgħu jammontaw għal madwar 650,000. Intant, ’il fuq minn 160,000 ħarbu diġà mir-residenzi tagħhom f’Mosul u l-madwar.
Jieħdu l-kontroll tal-ajruport ta’ Mosul
