Futbol Sport

L-Afrika tipprova tirdoppja l-postijiet fit-Tazza tad-Dinja

L-Afrikani jridu żieda ta' timijiet għat-Tazza tad-Dinja

L-Afrika qed tħares li tirdoppja n-numru ta’ postijiet li għandha fit-Tazza tad-Dinja mill-2026, hekk kif minn dik l-edizzjoni, il-kompetizzjoni se tikber għal 48 tim. “L-assoċjazzjonijiet huma favur l-idea li t-Tazza tad-Dinja tikber u hemm it-tama li l-Afrika jkollha 10 postijiet,” qal il-kap tal-Assoċjazzjoni Afrikana tal-futbol Danny Jordan.

Jekk iseħħ dan, huma jkunu rduppjaw l-postijiet li għandhom għat-Tazza tad-Dinja tal-2018 u l-2022. L-Ewropa qed tfittex għal 16-il post minn 13 u trid li jkunu separati fil-gruppi kollha hekk kif il-kompetizzjoni se tkun tikkonsisti minn 16-il grupp ta’ tliet timijiet, bl-ewwel tnejn javvanzaw għal fażi tan-knock-out bi 32 tim.

L-Asja mistennija jkollha bejn tmien u disa’ postijiet, filwaqt li l-Amerika ta’ Isfel se jkollha sitt postijiet minn total 10 membri, hekk kif bħalissa t-tnejn għandhom bejn erba’ u ħames postijiet. Ir-reġjun tal-Concafaf li hu magħmul mill-pajjiżi tal-Amerika ta’ fuq u l-Amerika ċentrali. se jkollhom bejn sitt u seba’ postijiet filwaqt li l-konfederazzjoni tal-gżejjer Paċifiċi se jkollhom post awtomatiku.

Il-play-offs bejn il-kontinenti, jiddeterminaw il-postijiet eżatt fil-finali. L-allokazzjoni finali tal-postijiet trid tiġi deċiża mill-Kunsill tal-FIFA.