Minkejja ix-xokk u l-istmerrija ġenerali, kif ukoll il-qbil mill-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar it-tneħħija tagħhom, l-Avukat tal-Ministru Chris Cardona, Pawlu Lia, qed jinsisti li jżomm il-mandati li jiffriżaw l-assi tal-ġurnalisti Daphne Caruana Galizia u ma jaqbilx li dawn il-mandati ma jibqgħux isiru f’każi ta’ libell.
Meta kien qed jittratta s-smigħ preliminari dwar il-mandati maħruġa fil-kawżi ta’ libell tal-Ministru Chris Cardona u l-konsulent Joe Gerada kontra Daphne Caruana Galizia, l-Avukat Pawlu Lia, li qed jidher għall-Ministru u Gerada, qal li ma jaqbilx mat-tneħħija ta’ dan il-mandat kontra l-assi ta’ ġurnalisti.
Fil-bidu tat-trattazzjoni tiegħu, l-Avukat Lia donnu ta x’jifhem li kien se jitlob ir-rekuża tal-Maġistrat Francesco Depasquale milli jisma’ l-kawża. Iżda meta mitlub mill-Qorti biex jekk se ssir din it-talba, titniżżel fl-Atti, l-Avukat Lia naqas milli jagħmel dan u qal li m’hemmx għalfejn. Meta l-ġurnalisti wara s-seduta ipprovaw jiċċaraw jekk kienx il-każ li qed tintalab ir-rekuża tal-Maġistrat, L-Avukat Pawlu Lia qal “ma nkellimx ġurnalisti barra mill-Awla”, filwaqt li Cardona wieġeb bil-herra li ħadd m’hu qed jitlob rekuża.
L-Avukat kompla li l-Qorti għandha tapplika l-liġi kif inhi llum. Hu qal li l-artikli miktuba minn Daphne Caruana Galizia fil-konfront ta’ Chris Cardona u Joe Gerada kienu gidba faħxija “biex tagħmel il-flus, għax kull click tfisser ħlas ta’ flus, toħloq mibegħda kontra Chris Cardona għal raġunijiet politiċi”. Qal ukoll li Caruana Galizia daħħlet ukoll lil Joseph Gerada fin-nofs u allegat “li kellu x’jaqsam sesswalment mal-Ministru Cardona u ma’ prostituta, għax hekk tfisser threesome.” Dan b’rabta mal-istorja li feġġet iktar kmieni dan ix-xahar fejn il-Ministru Chris Cardona u Joe Gerada, allegatament żaru l-burdell FKK Acapulco fil-Ġermanja waqt li kienu fuq xogħol tal-Gvern.
Kompla li Caruana Galizia ħaqqha l-kastig massimu. Meta l-Avukat Lia beda jargumenta dwar il-ħsara għat-tfal tal-Ministru li qed jippreparaw għall-eżamijiet, Daphne Caruana Galizia, li kienet preżenti fl-Awla, ħarġet il-barra fejn qalet “jien għamiltilhom il-ħsara t-tfal jew hu bl-istil tal-ħajja tiegħu?”
L-Avukat Lia qal li l-principju famuż ta’ “chilling effect” fuq il-liberta’ tal-espressjoni jeżisti wkoll fuq il-ġudikatura u rrefera għall-artiklu tad-Dekan tal-Fakulta’ tal-Liġi u d-dimostrazzjoni li saret il-Ħadd li għadda bħala eżempji ta’ dan. Hu tenna li ma jaqbilx li jitneħħa l-mandat kawtelatorju fil-konfront tal-ġurnalisti, hu qal li ċittadin għandu jkollu d-dritt li joħroġ dan il-mandat.
Min-naħa tiegħu, l-Avukat Joseph Zammit Maempel, qal li l-ġurisprudenza fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet kostanti f’numru ta’ sentenzi fejn f’kull okkażjoni, il-Qorti qalet li l-iffirżar tal-assi ta’ ġurnalisti u ksur tal-liberta’ tal-espressjoni kif imħares mill-Konvenzjoni Ewropea u l-Kostituzzjoni ta’ Malta. Hu kompla li l-Qorti għandha tara jekk f’dawn iċ-ċirkostanzi humiex qed jinħonqu d-drittijiet fondamentali u jekk dan hu l-każ, konsiderazzjonijiet ta’ dritt fundamentali jisboq provvedimenti tal-liġi ordinarja.
L-Avukat Zammit Maempel qal li dan hu każ ta’ danni morali u staqsa għaliex fil-ħruġ tal-mandati, intalab l-ammont massimu. “Fl-aħħar 500 sentenza, kemm quddiem din il-Qorti, kif ukoll quddiem qrati oħra, kien rari ħafna li ngħata l-ammont massimu, f’każ din il-ġimgħa stess il-Qorti tal-Appell tat rimedju ta’ €600”
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti għandha tħares ukoll lejn iċ-ċirkostanzi fejn dakinhar stess irriżulta li l-Gvern u l-Oppożizzjoni qed jaqblu li mandat kawtelatorju f’kawża ta’ libell għandu jitneħħa mill-liġijiet ta’ Malta.
It-talba dwar it-tneħħija tal-mandati kienet differita għad-digriet fid-9 ta’ Marzu.
//= $special ?>