It-tiġdid li sar fis-sit netnews.com.mt intlaqa’ tajjeb mill-pubbliku. F’24 siegħa minn mindu s-sit tal-aħbarijiet ta’ Net News mar onlajn – aktar minn 35,000 persuna żaret il-paġni tas-sit il-ġdid.
Mir-rispons li waslu għand Net News, jidher li dan l-aġġornar serva ta’ ġid u l-pubbliku laqgħa din il-bidla b’pożittivita’ – tant li bosta nies kitbu lura lill-kamra tal-aħbarijiet b’kummenti ta’ tifħir. B’hekk issa l-qarrejja ta’ netnews.com.mt jistgħu isegwu l-aħbarijiet b’aktar aċċessibilita’ u bi stil aktar modern u interattiv.
L-aktar paġna li fiha daħlu qarrejja, minbarra il-home page tas-sit tal-aħbarijiet stess kien l-artiklu dwar it-tnedija stess – l-ewwel artiklu li ttella’ eżatt kif is-sit tela’ onlajn – fejn madwar 3,000 ruħ daħlu jaqraw din l-aħbar partikolari. Minn aspett politiku, l-artiklu li ddomina fl-ewwel 24 siegħa kien l-artiklu bit-titlu ‘Muscat jerġa’ jinqabad jigdeb’ – filwaqt li l-aktar aħbar minn aspett soċjali li fiha daħlu n-nies kienet storja dwar tifel ta’ 7 snin li ma rritornax lura d-dar wara l-iskola.
Fatt interessanti kien li Net News mhux biss għandu segwaċi minn Malta, imma bosta nies daħlu jaqraw l-aħbarijiet anke mill-Ingilterra, Franza, Italja, Awstralja, Amerka, u l-Belġju fost l-oħrajn. Fatt li nistgħu ngħidu hu li l-aħbarijiet ta’ Net News waslu f’kull kontinent tad-dinja – minkejja li hu portal tal-aħbarijiet bil-lingwa Maltija.
Dan ifisser li mill-ewwel ġurnata minn mindu ġie mniedi s-sit il-ġdid netnews.com.mt – eluf ta’ nies kull siegħa qegħdin jidħlu jaċċessaw u jsegwu l-aġġornamenti tal-aħbarijiet li kontinwament dejjem qed jiġu aġġornati.
Għaldaqstant, wara biss 24 siegħa minn mindu s-sit il-ġdid mar onlajn – netnews.com.mt kompla jkabbar l-udjenza u r-reputazzjoni tiegħu. Dan kollu huwa grazzi għas-segwaċi li jidħlu jżuru s-sit netnews.com.mt għall-aħħar aħbarijiet.
//= $special ?>