Internazzjonali

L-ISIS huma qrib li jitilfu fortizza fis-Sirja

It-Turkija għadha kemm żvelat li qawwiet fis-Sirja appoġġjati minnha u li qed jikkumbattu lill-ISIS fil-belt ta’ al-Bab huma ‘pass ‘il bogħod milli jieħdu kontroll ta’ din il-fortizza tat-terroristi’.

Il-ġellieda tal-Armata Sirjana Ħielsa jidhru li avvanzaw saċ-ċentru ta’ al-Bab fejn qed iwarrbu l-isplussivi li ħallew l-ISIS fl-inħawi. Sadanittant, jidher li għaddej il-ġlied mat-terroristi fi bnadi oħra tal-belt li ilha taħt assedju minn Novembru.

Truppi Torok, flimkien ma’ elementi tal-Armata Sirjana u gruppi ta’ ġellieda Kurdi kollha taw sehem fl-offensiva fuq al-Bab, bl-appoġġ ta’ qawwiet tal-ajru.

It-telfa ta’ din il-belt Sirjana għall-ISIS (li qed tidher imminenti) għandha tfisser disfatta kbira oħra għat-terroristi li fl-aħħar xhur kienu kostretti jirtiraw mill-fruntiera tas-Sirja mat-Turkija. Dan waqt li żdiedet il-pressjoni fuq l-ISIS fiz-zoni ta’ Mosul li hi l-aħħar fortizza kbira tat-terroristi fl-Iraq.