Lokali

Muscat ma jistax jibqa’ jaħrab quddiem allegazzjonijiet serji ta’ ħasil ta’ flus fl-iskandlu tal-Panama

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, jindirizza l-konferenza tal-aħbarijiet
Waqt konferenza stampa fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista - il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami fakkar li l-investigazzjoni tal-FIAU diġa' saret iżda l-ebda rapport ma ħareġ fil-pubbliku

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ma jistax jibqa’ jaħrab u jistaħba quddiem allegazzjonijiet serji ta’ ħasil ta’ flus. Il-konklużjonijiet li ħarġu mill-investigazzjoni li għamel il-Kumitat tal-Parlament Ewropew li qed jinvestiga l-iskandlu tal-Panama Papers, huma li l-indikazzjonijiet kollha juru li dan hu każ ċar ta’ ħasil ta’ flus.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister tal-Intern Beppe Fenech Adami qal li d-dikjarazzjonijiet wara l-laqgħat li l-MEPs kellhom mal-Ministru Konrad Mizzi huma serji u gravi, u li minn tal-anqas jistħoqqilhom reazzjoni mill-Prim Ministru u mill-Kummissarju tal-Pulizija.

Beppe Fenech Adami fakkar li diġà saret investigazzjoni mill-FIAU – l-aġenzija li tinvestiga l-frodi u l-ħasil ta’ flus – dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi, li iżda, l-konklużjonijiet tagħha ndifnu mill-Pulizija. “Wara li dan irrapport ta’ inkjesta għadda mill-FIAU lill-Pulizija, rajna biss ir-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u r-riżenja tad-Direttur Ġenerali tal-FIAU – imma l-ebda prosekuzzjoni,” qal Beppe Fenech Adami.

Hu sostna li issa, aktar minn qatt qabel, wara dawn id-dikjarazzjonijiet, il-Prim Ministru ma jistax jibqa’ jaħrab mill-emergency exit iżda għandu jitkellem b’mod ċar dwar x’tip ta’ investigazzjonijiet qed isiru, jekk hux qed isiru investigazzjonijiet, u x’inhi l-pożizzjoni tiegħu dwar l-allegazzjonijiet serji ta’ ħasil ta’ flus mill-aktar żewġ persuni viċin tiegħu.

Ix-Shadow Minister tal-Ġustizzja, d-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Jason Azzopardi qal li d-dikjarazzjonijiet tal-membri tal-Kumitat PANA kienu ċari dwar l-iskandlu tal-Panama Papers:

  • iċ-Chairman tal-Kumitat PANA Werner Langen qal li l-indikazzjonijiet kollha huma li l-każ ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri huma ta’ ħasil ta’ flus;
  • id-Deputy Chairman tal-Kumitat PANA u MEP Soċjalista Ana Gomes li qalet li ma tistax tifhem għalfejn Konrad Mizzi għadu ma rriżenjax, u li qed iħammeġ isem l-Ewropa;
  • l-MEP tal-Ħodor Sven Giegold li wkoll iddeskriva dan il-każ bħala każ klassiku ta’ ħasil ta’ flus, u li d-dikjarazzjonijiet li ħarġu dwar Egrant m’huma ċari xejn.

Jason Azzopardi sostna li min jinstab ħati ta’ ħasil ta’ flus jista’ jeħel massimu ta’ 18-il sena ħabs u/jew multa ta’ massimu żewġ miljun ewro u nofs. “Hawnhekk mhux qed nitkellmu biss dwar responsabbiltà politika, iżda anke dwar każ serju ta’ kriminalità,” qal Jason Azzopardi. Hu sostna li sena wara li faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers, is-sitwazzjoni f’pajjiżna hi ferm agħar: Prim Ministru dgħajjef biex jieħu azzjoni, u bir-reputazzjoni ta’ pajjiżna nieżla ‘l isfel ma’ kull ġurnata li tgħaddi.

Minn naħa tiegħu, l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Dorian Sciberras qal li minkejja kull attentat ta’ Muscat li jiprova jgħalaq din il-kwistjoni, dan l-iskandlu qiegħed dejjem jikber. Hawnhekk hu rrefera għall-aħħar gidba tal-Ħadd li għadda dwar is-sid tat-tielet kumpanija sigrieta fil-Panama – Egrant. “Ħadd mhu jemmen li t-tielet kumpanija hi ta’ Brian Tonna, meta l-emails żvelati juru biċ-ċar li s-sid tagħha m’huwiex Nexia BT, u li ismu ngħadda fuq
Skype,” qal Dorian Sciberras.

Hu sostna wkoll li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista diġà wiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jinvestiga l-kuntratti kollha li fihom kienu nvoluti Keith Schembri u Konrad Mizzi, kif ukoll jiġi investigat fid-dettall l-iskandlu tal-Panama. “L-aħħar allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus mill-MEPs ipoġġu din l-investigazzjoni taħt dell akbar,” temm jgħid Dorian Sciberras.