Lokali

Raġel isofri ġrieħi gravi wara li jaqa’ nofs sular

Ritratt mill-arkivji
Raġel ta' 41 sena waqa' għoli ta' madwar nofs sular f'Santa Venera.

Għall-ħabta tal-ħdax u kwart tal-Ħamis filgħodu, raġel waqa’ għoli ta’ madwar nofs sular. Mal-ewwel waslet l-assistenza fuq il-post ġewwa sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Dun Alfred Gatt, Santa Venera.

Mill-ewwel stħarriġ li sar irriżulta li, raġel ta’ 41 sena, residenti Ħal Tarxien, safa vittma tal-inċident. Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn iktar tard il-Pulizija ġiet infurmata li kien sofra ġrieħi gravi.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Farrugia Frendo li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjonjiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.