Lokali Qorti

Tibda l-kumpilazzjoni fil-każ kontra Deniro Magri

Deniro Magri - akkużat bil-qtil ta' Sylvester Farrugia

Dalgħodu bdiet il-kumpilazzjoni fil-każ kontra Deniro Magri, ta’ 27 sena mill-Marsa, akkużat li fit-12 ta’ Frar spara u qatel lil Sylvester Farrugia fil-Marsa stess.

Quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, xehed l-Ispettur Keith Arnaud, mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali. Hu spjega kif instab il-katavru minn Pulizija mara ftit qabel il-5am, hekk kif kienet se tibda x-shift tagħha.

Mill-investigazzjonijiet li saru fil-post, kien innutat li l-ħġieġ ta’ wara u tal-passiġġier tal-vettura kienu miksurin, bil-vittma nstab minxur quddiem il-karozza. Skont l-ewwel eżami tat-Tabib Mario Scerri, il-vittma, li kien iċċertifikat mejjet fil-post, intlaqat bit-tir f’daharu.

Il-Pulizija eżaminaw ukoll tliet settijiet ta’ CCTV cameras, li stabilixxew li l-vittma ma ntlaqtitx fil-post fejn mietet, iżda madwar tliet blokok ‘il bogħod mir-residenza tal-akkużat. Barra r-residenza tal-akkużat, il-Pulizija nnutaw riħa qawwija ta’ fuel u xkora mal-bieb.

Tul ix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Arnaud ikkwota mill-istqarrija tal-akkużat, fejn kien qallu li kien sab ‘jerrycan’ u ‘tyre’ wara l-bieb tar-residenza tiegħu. Kien għalhekk li fil-paniku, rema lilhom u anke l-arma li uża f’għalqa qrib Triq Diċembru 13. Ix-xhud kompla li la l-pistola u lanqas l-iskrataċ ma nstabu.

Sadanittant, filmati minn CCTV cameras innutaw żewġ persuni oħra li kienu mal-vittma u li dwarhom għadhom għaddejjin xi investigazzjonijiet. Waqt il-kumpilazzjoni rriżulta wkoll li l-karozza u l-pjanċi kienu misruqa f’Novembru li għadda.

Il-kumpilazzjoni tkompli t-Tlieta li ġej.