Lokali

Xogħlijiet mhux awtorizzati fuq il-binja tas-Suq tal-Belt

Xogħlijiet mhux awtorizzati ġew imwettqa fuq struttura storika unika tal-binja magħrufa bħala s-Suq tal-Belt, Grad numru 1 tal-binjiet skedati fiċ-ċentru tal-Kapitali.

Gallerija li nbniet fuq Triq San Pawl għandha impatt qawwi fuq il-valur estetiku u arkitettoniku tal-binja, saħqet dan l-għaqda Din l-Art Ħelwa. Din l-Art Ħelwa qalet li tinsab iddiżappuntata fit-tali insensittività li l-proġett bħalissa qiegħed fih, proġett li kellu jgħin r-rijabilitazzjoni li ilha mistennija fuq il-binja tas-Suq tal-Belt. L-għaqda sostniet li dawn ix-xogħlijiet jidhru li twettqu mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-kostruzzjoni ta’ dan tifforma parti mill-ambitu tal-Ippjanar tal-Applikazzjoni PA 03215/16. L-avviż ta’ din id-deċiżjoni dwar dan il-permess kien ippubblikat biss fit-8 ta ‘Frar 2017, li jfisser li suppost l-ebda xogħlijiet ma setgħu jiġu eżegwiti taħt dan il-permess sakemm jagħlaq il-perjodu tal-appell ta’ 4 ġimgħat.

Fl-istess stqarrija Din l-Art Ħelwa qalet li tinsab imħassba ferm bil-mod frammentat li bih ġie mitlub il-permess tal-ippjanar għal dan l-intervent. Il-proġett jidher li kien kopert minn żewġ applikazzjonijiet tal-ippjanar separati. Il-PA 02370/15 kien approvat fl-aħħar snin. Fl-2016 kien hemm applikazzjoni ġdida fejn ġiet ippreżentata għall-permess għal numru ta’ komponenti tal-istess proġett. Il-perjodu għall-rappreżentazzjonijiet mill-pubbliku dwar din it-tieni talba skada fid-19 ta’ Settembru 2016.

Id-disinji juru l-gallarija konkreta li tisporġi fuq Triq San Pawl madankollu dawn ġew sottomessi biss f’Ottubru 2016, wara li l-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika kien skada. Dan ifisser li l-proposta rċeviet ħafna inqas skrutinju.

L-għaqda qalet li biex ikompli jiżdied l-insult għall-dan l-iżvillupp, jidher li ċertu xogħlijiet saru qabel dawn ix-xogħlijiet kienu awtorizzati. Għalhekk Din l-Art Ħelwa tinsab urtata ferm ukoll li l-ebda azzjoni ta’ infurzar ma’ tidher li ttieħdet dwar dan sal-lum.

Din l-Art Ħelwa qalet li x-xogħlijiet jidhru li sar b’mod illegali u għalhekk hi rrappurtat dawn ix-xogħlijiet illegali lill-awtoritajiet. Hija qed tappella lill-iżviluppaturi biex jirrettifikaw il-pjanijiet għal dan l-iżvillupp b’rispett sħiħ lejn l-estetika ta’ dan il-bini storiku fil-qalba tal-Belt Kapitali.