Il-President Amerikan, Donald Trump, qal li jrid jespandi l-ħażna tal-armamenti nukleari ta’ pajjiżu biex jaċċerta li l-Istati Uniti tkun l-‘akbar forza’ minn dan l-aspett partikulari.
F’intervista lill-aġenzija Reuters, Trump qal ukoll li hu kontra ftehim ġdid mar-Russja li ‘tiffavorixxi naħa waħda’ u li tillimita l-istazzjonar tal-warheads nukleari.
Donald Trump qal li ‘filwaqt li jixtieq li ħadd ma jkollu (l-armi) nukleari, jista’ jaċċerta li l-Istati Uniti mhi se tkun inferjuri għal ebda pajjiż f’dak li jirrigwarda potenza (nukleari)’.
Il-President Trump żied li l-Istati Uniti kienet waqgħet lura fil-kapaċità tal-armamenti nukleari filwaqt li ilmenta dwar l-istazzjonar ta’ missila cruise, mir-Russja, b’abbuż ta’ trattat għall-kontroll tal-armi. Fil-fatt, hu beħsiebu jqajjem din il-kwistjoni mal-President tar-Russja, Vladimir Putin, ‘f’każ u ladarba huma jiltaqgħu’.
It-trattat ġdid għal-limitazzjoni tal-armi strateġiċi (magħruf bħala New START) bejn l-Istati Uniti u r-Russja jirrikjedi li l-pajjiżi, sal-5 ta’ Frar tal-2018, jillimitaw il-ħażniet tal-armi nukleari strateġiċi (rispettivi) għal livelli ugwali għal perjodu ta’ 10 snin.
Intant, Trump qed jikkritika t-trattat ġdid bħala wieħed li jibbenefika pajjiż wieħed u li ‘pajjiżu, issa, se jibda jagħmel il-ftehim tajbin għalih wara deċiżjonijiet żbaljati tal-passat’.
//= $special ?>