Lokali

FILMAT: Il-barrikati mhux biżżejjed biex ma jaqsmux nies

L-istudenti jgħidu li l-mina li hemm fil-qrib mhix tajba biżżejjed minħabba nuqqas ta' sigurtà
Ritratt: The Third Eye

Il-barrikati li twaħħlu riċentament fil-‘by-pass’ ta’ Birkirkara (Triq Dun Karm) qanqlu ħafna reazzjonijiet peress li mhux qed iħallu l-frott mixtieq, hekk kif studenti tal-Università u persuni oħra xorta waħda għadhom qed jaqsmu t-triq traffikuża. Il-barrikati twaħħlu bħala miżura biex tipprevjeni nies li jaqsmu t-triq, u biex minflok, in-nies jużaw mina hemm li fil-qrib biex jaqsmu minn naħa għal oħra.

Imma l-mina li hemm fil-qrib, u li tgħaddi mill-iskatepark ta’ ħdejn l-Università, mhix tajba biżżejjed. “Il-mina tinsab fi stat ħażin u nieqsa mis-sigurtà, mhix imdawwla kif suppost u m’hemmx kameras tas-sigurtà” qalu l-istudenti Għawdxin fi stqarrija maħruġa mill-GUG (Gozo University Group).

L-istudenti qalu li hu fatt magħruf li fil-mina jseħħu numru ta’ inċidenti, fosthom serq, speċjalment wara t-tmienja ta’ filgħaxjija u dan iqanqal biża’. Il-GUG temmet tappella lill-awtoritajiet biex itejjbu l-qagħda tal-mini kollha f’Malta biex in-nies iħossuhom komdi jużawhom. Stqarrija simili nħarġet mill-għaqda Pulse li ssuġġeriet li jinbena pond minn naħa għal oħra.

L-istqarrija tal-GUG sabet l-appoġġ tax-Shadow Minister Chris Said, li f’post fuq Facebook qal li skont studenti li kellmuh, fil-mina ta’ ħdejn l-Università jkun hemm “ħafna nies jitlajjaw”. Hu żied li jeħtieġ tinstab soluzzjoni, fosthom sistema ta’ dawl aħjar fil-mina b’kameras tas-sigurtà u zebra crossing bil-pedestrian lights biex tintuża minn dawk kollha li jkunu jridu jaqsmu min-naħa tal-Università lejn in-naħa tal-Imsida u viċi-versa.

L-entratura għall-mina li hemm ħdejn l-Università (ritratt: The Third Eye)