Lokali

FILMAT: Muscat ifarfar ir-responsabbiltà fuq il-Kummissarju

Il-Prim Ministru jgħid li l-Kummissarju għandu jiddeċiedi jekk jinvestigax kriminalment lil Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat irrifjuta li jgħid jekk il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri, għandhomx jiġu investigati kriminalment wara kummenti miċ-Chairman tal-Kumitat ‘PANA’ li fil-jiem li għaddew kien Malta biex jinvestiga lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri.

“Jiddeċiedi hu” qal il-Prim Ministru Joseph Muscat f’risposti lil NET News fi tmiem żjara fil-bini amministrattiv tal-Enemalta fil-Marsa, meta mistoqsi jekk ħax passi biex Konrad Mizzi u Keith Schembri jiġu investigati kriminalment. “Deċiżjoni dwar x’jiġri kriminalment jiddeċidieha l-Pulizija” żied jgħid filwaqt li rrifjuta li jgħid hu kif jaħsibha.

Fil-jiem li għaddew kien hawn f’Malta l-kumitat ‘PANA’ tal-Parlament Ewropew li qed jinvestiga l-iskandlu tal-Panama. Fi tmiem laqgħa f’Malta, iċ-Chairperson ta’ dan il-kumitat qal li l-iskandlu tal-Panama li fih hemm involuti Konrad Mizzi u Keith Schembri “jidher li hu każ ta’ ħasil ta’ flus”.

Imma minkejja din id-dikjarazzjoni xokkanti, sal-lum stess, il-Prim Ministru baqa’ jiddefendi lil Konrad Mizzi. Spalla ma’ spalla ma’ Konrad Mizzi, Muscat faħħar lil Konrad Mizzi għax-xhieda li ta. “Intwera ċar mill-verżjoni li ta l-Ministru li ma kienx hemm tidwir mal-lewża” ftaħar il-Prim Ministru, b’Konrad Mizzi maġenbu.

Intant, għad mhux magħruf jekk il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ħax passi dwar ir-rapport tal-aġenzija Maltija ta’ kontra l-ħasil tal-flus (FIAU). Ġie rrappurtat li dan ir-rapport jissuġġerixxi li jkun hemm prosekuzzjoni fil-konfront ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. Madanakollu, għad ma kien hemm l-ebda reazzjoni mill-Kummissarju tal-Pulizija.

Lawrence Cutajar nħatar kummissarju tal-Pulizija wara r-riżenja ta’ Michael Cassar. Cassar kien irriżenja ftit wara li wasal f’idejh ir-rapport tal-FIAU. Manfred Galdes, li kien imexxi l-FIAU, kien irriżenja wkoll. Sadanittant, Konrad Mizzi u Keith Schembri għad għandhom il-fiduċja ta’ Jospeh Muscat.

In-nuqqas ta’ azzjoni ta’ Muscat jagħmlu kompliċi – il-PN

Fi stqarrija b’reazzjoni għall-kummenti ta’ Joseph Muscat, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru kompla jikkonferma kemm hu dgħajjef u kompliċi f’każ li, kif qal iċ-Chairman tal-PANA Werner Langen, kollox jindika li hu ħasil ta’ flus. “Flok jordna li ssir investigazzjoni kriminali kontra Keith Schembri u Konrad Mizzi, Muscat qed jagħżel li jiddefendihom u jirrepeti l-gideb tagħhom” qal il-Partit Nazzjonalista.

“Evidentament, Muscat hu kompliċi f’dan il-każ li hu “a textbook case of money laundering”, kif ġie spjegat mill-MEPs din il-ġimgħa. Min jinstab ħati ta’ attentat ta’ ħasil ta’ flus, jista’ jeħel sa 18-il sena ħabs” ittemm tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.