Lokali

FILMAT U RITRATTI: Karavan u karozza jieħdu n-nar fil-Marsa

Għall-ħabta tal-10.20am karozza u karavan ħadu n-nar fi Vjal Santa Luċija, magħrufa aħjar bħala n-Niżla taċ-Ċimiterju tal-Addolorata.

Fil-post issejħet l-assistenza ta’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li tfew in-nar taż-żewġ vetturi.

Minn informazzjoni li Net News kiseb minn fuq il-post, aktarx in-nar beda minn short circuit mill-parti ta’ fejn il-karavan jaqbad mal-karozza. Kien għalhekk li s-sewwieq tal-karozza ma setax jaqla’ l-karozza minn mal-karavan. It-tentattiv ta’ sid il-vetturi li jissepara l-karozza mill-karavan kien inutli għax in-nar laħaq qered kważi għal kollox lill-karozza wkoll.

Fortunatament, ħadd ma jidher li weġġa’ f’dan il-każ.

Il-Pulizija għadha qed tinvestiga l-każ, bl-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Ispettur Chantal Casha.

Filmat: Commander Jay