Lokali

Il-president tal-MUT Kevin Bonello mhux se jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni tal-unjin

Kevin Bonello qed iħabbar li se jkun qed jirtira minn kull kariga relatata mat-trejdunjoniżmu

Kevin Bonello, il-president tal-MUT (Malta Union of Teachers) qal li mhux interessat li jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni tal-unjin għat-terminu li ġej minħabba affarijiet personali relatati ma’ saħħa. B’hekk Kevin Bonello qed iħabbar li se jkun qed jirtira minn kull kariga relatata mat-trejdunjoniżmu. Apparti minn hekk hu qal li din ir-riżenja ma tfissirx li hu se jkun qed jikkontesta għal xi partit politiku fl-elezzjoni ġenerali u lanqas mhux se jkun qed jiġi appuntat xi kariga oħra.

Kevin Bonello beda’ jaħdem fit-trejdunjoniżmu fl-2005 u fl-aħħar 12-il sena serva sitta minnhom bħala President tal-għaqda. Qal li t-trejdunjoniżmu jinvolvi ħafna iktar xogħol minn kemm taħseb in-nies. Saħaq li hu kien involut f’diversi deċiżjonijiet important dwar diversri kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ skejjel, l-iktar dawk tal-gvern.

Spjega li sal-aħħar ta’ Frar hu se jkun qed jgħaddi kull tip ta’ informazzjoni, dwar diskussjonijiet u deċiżjonijiet importanti li bħalissa qed taħdem fuqhom l-MUT, lill-kollegi tiegħu.

Fi tmiem tal-ittra tiegħu lill-midja, Kevin Bonello qal li kemm Marco Bonnici u kemm Norman Grech li bħalissa qed jokkupaw il-kariga ta’ viċi-president għandhom il-kapaċitajiet kollha sabiex ikunu jistgħu jmexxu l-MUT.

Hu rringrazzja lill-uffiċjali kollha u lil membri tal-kunsill tal-unjin li dejjem kienu hemm fl-aħħar snin. Qal li kien ta unur kbir għalih li serva bħala president għal dawn l-aħħar snin.