Il-Prim Ministru Irlandiż, Enda Kenny (ritratt), se jirriżenja x-xahar id-dieħel wara kritika għall-mod kif hu irreaġġixxa għal kriżi fi ħdan il-korp tal-pulizija.
Kenny, li s-sena l-oħra sar l-ewwel Kap tal-Partit Fine Gael li rebaħ t-tieni terminu konsekuttiv bħala Prim Ministru, ħabbar it-tluq tiegħu waqt laqgħa tal-partit f’Dublin u jidher li se jwarrab minn Prim Ministru ladarba jikkonkludi żjara fl-Istati Uniti għal Jum San Patrizju, fis-17 ta’ Marzu.
Enda Kenny innifsu qal li beħsiebu jindirizza l-kwistjoni tat-tmexxija ladarba jirritorna Dublin minn Washington u li ‘se jieħu ħsieb il-ħaġa b’mod effettiv u konklussiv’.
Il-kontroversja ‘li mexxa ħażin Enda Kenny’ tibbaża fuq allegazzjonijiet dwar whistleblower tal-pulizija li spiċċa suġġett għal kampanja intiża biex ittelliflu l-kredibbiltà.
Ingħad li ‘membri tal-Gvern ippruvaw iċappsu’ lis-surġent, Maurice McCabe, li qajjem każi serji ta’ korruzzjoni, fosthom dwar uffiċjali li ma applikawx il-liġi għal persuni influwenti akkużati bl-abbużi li jinkludu kontravenzjonijiet tat-traffiku.
Il-Prim Ministru Irlandiż se jirriżenja minħabba skandlu
