Futbol Lokali Sport

Illum is-60 sena anniversarju mid-debutt internazzjonali tat-tim nazzjonali Malti

Id-data tal-24 ta’ Frar tal-1957 hi ġurnata speċjali għal futbol lokali hekk kif proprju 60 sena ilu, lagħab għall-ewwel darba fl-isfera internazzjonali, it-tim nazzjonali Malti f’partita fl-Empire Stadium tal-Gżira kontra l-Awstrija quddiem folla ta’ madwar 18,000 spettatur.

Il-partita kienet intemmet 3-2 favur l-Awstrija, iżda l-pubbliku Malti preżenti, kien sodisfatt bil-prestazzjoni tat-tim Malti. L-Awstrija kienu marru fil-vantaġġ wara 16-il minuta meta Joe Cilia u Gużi Bonnici kienu daħlu f’xulxin, bil-ballun jaħbat ma’ tal-aħħar u jidħol fix-xibka. Skont l-istoriku Carmel Baldacchino, it-tim Malti kien kiseb il-kunfidenza u beda’ joħloq xi perikli lid-difiża avversarja, iżda 20 minuta fit-tieni taqsima, l-iskor kien sar 2-0 b’gowl ta’ Wagner.

Il-logħba dehret mitmuma għat-tim Malti wara li Haummer skurja t-tielet gowl, iżda l-Maltin reġgħu daħlu fil-logħba tliet minuti mit-tmiem. Kien Sammy Nicholl li qabeż tajjeb lil Stotz u Engelmeier qabel ma’ qassam lil Tony Cauchi, bl-attakkant Malti jiskurja minn angolu ristrett għal ferħ tal-pubbliku Malti.

Iżda l-għajta tal-Maltin kienet ferm akbar minuta wara, meta kien Joe Cini li għadda lil Nicholl li bi bravura għeleb lil Stotz qabel skurja.

L-aħħar minuti kienu diffiċli għat-tim Awstrijak li iżda rnexxielu jżomm sat-tmiem. Minkejja r-riżultat finali, il-pubbliku Malti kien kuntent bil-wirja tat-tim nazzjonali fl-ewwel logħba tiegħu.

Formazzjoni tat-timijiet dakinhar

Malta: Victor Scerri, Guzi Bonnici, Lolly Debattista, Ninu Calleja (George Jones), Joe Cilia, Joe Cini, Lolly Borg, Salvinu Schembri, Tony Cauchi, Sammy Nicholl, Pullu Demanuele.

Awstrija: Bruno Engelmeier, Ignaz Pusnik, Leopold Barschand, Ernest Kozlicek, Karl Stotz, Karl Koller, Paul Halla, Erick Hoff (Johann Buzek), Theodor Wagner, Paul Kozlicek, Walter Haummer.

Referee: Vincenzo Orlandini (Italja).

 

L-MFA tiċċelebra din il-ġurnata

Proprju l-Malta Football Association se tkun qed tfakkar din id-data b’diversi attivitajiet. Illum, l-assoċjazzjoni se tkun qed tonora lil dawk il-plejers involuti dakinhar li għadhom ħajjin, b’tifkira mill-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo. Barra minn hekk, l-MFA ħadmet logo tas-60 anniversarju filwaqt li fl-istess attività se jintwera video li jfakkar il-logħba.

Is-60 sena ta’ futbol internazzjonali hi t-tema wkoll tal-MFA Awards li se jsiru f’Mejju filwaqt li se tkun qed tissemma diversi drabi bi tħejjija għal partita kontra l-Ingilterra fl-1 ta’ Settembru ta’ din is-sena.

 

Replay Preview b’dokumentarju tal-partita

B’rabta ma’ din il-partita, illejla fid-9.00pm fuq Net Television, il-programm sportiv Replay Preview se jkun qed ixandar dokumentarju b’rabta mal-partita Malta v Awstrija fejn jagħti ħarsa lejn dak li seħħ fil-partita b’intervisti ma’ Joe Cini u Victor Scerri li kienu żewġ plejers fost it-tim li lagħab dakinhar.