Lokali

“Inżewqu l-varjetà u l-aċċess għall-kontenut kreattiv imma nħarsu d-drittijiet ta’ min joħloq il-kontenut” – Comodini Cachia

L-Ewroparlamentari Therese Comodini Cachia f'laqgħa li saret dwar ir-riforma fil-liġi tal-copyright mad-Diretturi tal-PBS, li kien immexxi mill-Kap Eżekuttiv John Bundy.

“Illum qed ngħixu f’dinja diġitali fejn hawn firxa ferm aktar wiesgħa tal-kontenut kreattiv. Hawn għatx għall-kontenut u qed tinħass il-ħtieġa tar-riforma tal-copyright.” Sostniet dan l-Ewroparlamentari Therese Comodini Cachia waqt laqgħa li saret dwar ir-riforma fil-liġi tal-copyright mad-Diretturi tal-PBS, li kien immexxi mill-Kap Eżekuttiv John Bundy.

Matul din il-laqgħa ġie diskuss partikolarment kif materjal awdjoviżiv li jkunu għamlu l-ġurnalisti tal-PBS għall-aħbarijiet, jittieħed bla permess u jitpoġġa fuq profili personali ta’ utenti tal-Facebook jew mezzi oħra soċjali. Intqal li dan iwassal mhux biss għal nuqqas ta’ nies li jaċċessaw is-sit elettroniku ta’ TVM imma wkoll riperkussjonijiet finanzjarji.

Therese Comodini Cachia qalet li r-riforma se twassal għal aċċess akbar ta’ materjal awdjoviżiv għall-konsumaturi, iżda fl-istess waqt irridu nsaħħu l-ħarsien tad-drittijiet ta’ min ikun ħoloq dan il-kontenut. Spjegat kif id-direttiva tipproponi salvagwardji teknoloġiċi biex materjal awdjoviżiv ma jixxerridx jew ikun aċċessibbli mingħajr permess. Therese Comodini Cachia nediet anke l-paġna fis-sit elettroniku tagħha www.comodinicachia.eu/feedback, fejn il-Maltin u l-Għawdxin jistgħu jħallu s-suġġerimenti u l-proposti tagħhom dwar ir-riforma tal-copyright.

Id-Diretturi tal-PBS tkellmu ma’ Comodini Cachia fuq il-produzzjonijiet li jagħmlu fosthom id-drama u stqarru li jekk l-ispejjeż jiżdiedu, jaf ma jkunx aktar vijabbli li tibqa’ ssir id-drama lokali. Ġew diskussi temi oħra li jolqtu l-lat awdjoviżiv tar-riforma tal-copyright, fosthom it-tibdil f’format diġitali tal-arkivji u l-aċċess tal-materjal għal skopijiet edukattivi, il-geoblocking u s-servizzi tal-IPTV.