Lokali

Nexia BT siekta dwar possibiltà ta’ gidba minn Konrad Mizzi

Il-Ministru Konrad Mizzi

Nexia BT, li fetħet il-kumpaniji sigrieti fil-Panama ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri, qed tirrifjuta li tgħid jekk ħawditx lil Konrad Mizzi ma’ Keith Schembri. Żvelat dan il-gazzetta Times of Malta f’artiklu ppubblikat illum.

Nhar it-Tnejn li għadda, quddiem il-kumitat PANA li ġie Malta jinvestiga l-iskandlu tal-Panama, Konrad Mizzi kien mistoqsi dwar id-dokumenti żvelati fil-Panama Papers, fejn jingħad li Konrad Mizzi kien qed jiftaħ il-kumpanija sigrieta fil-Panama għal flus min-negozju ta’ riċiklaġġ tal-iskart miċ-Ċina, l-Indja u pajjiżi oħra madwar id-dinja.

Imma lill-kumitat PANA, Konrad Mizzi qalilhom li dik l-informazzjoni kienet riżultat ta’ taħwida min-naħa ta’ Nexia BT, fejn fixkluh ma’ Keith Schembri. Żied jgħid li mistoqsijiet dwar dan għandhom isiru direttament lil Nexia BT.

F’artiklu f’The Times jintqal li Brian Tonna ta’ Nexia BT, ġie mistoqsi dwar din l-istqarrja ta’ Kornad Mizzi, iżda min-naħa tiegħu, Brian Tonna ma jagħti l-ebda informazzjoni lil The Times minħabba l-kunfidenzjalità.

Wara l-istqarrija ta’ Konrad Mizzi quddiem il-kumitat PANA, li Nexia BT fixkluh ma’ Keith Schembri, kien ħareġ li filfatt Konrad Mizzi gideb quddiem dan il-kumitat, peress li fil-passat, Nexia BT irreferew għall-passat ta’ Konrad Mizzi fix-xena tal-immaniġġjar tal-iskart meta kienu qed jiddiskutu pjani li l-profitti minn dan il-kummerċ jidaħħlu fil-kumpanija sigrieta fil-Panama.

Dak iż-żmien, l-email kienet intbagħtet minn Nexia BT lil Mossack Fonseca b’dettalji bi pjanijiet kummerċjali għall-futur li fl-email żvelata jidhru eżattament fuq il-bijografija tal-istess Ministru Konrad Mizzi.