Raġel bla dar li ammetta fil-qorti li jorqod fil-park and ride ma ngħatax il-libertà proviżorja wara li tressaq fuq akkużi ta’ traffikar ta’ droga wara kwistjoni mal-pulizija.
Abubaker Imbrahim Jabril ta’ 32 sena, li hu riċediv, kien akkużat b’pussess aggravat ta’ droga f’żewġ okkażjonijiet separati f’Ottubru tas-sena li għaddiet u aktar kmieni dan ix-xahar. Hu kien akkużat ukoll li bi vjolenza rreżista l-arrest u darab ħafif pulzija waqt li kellu sikkina fil-pussess tiegħu.
Preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, il-Qorti semgħet kif ir-raġel instab fil-pussess ta’ madwar 45 gramma kannabis f’ċirkostanzi li juri li ma kinux għall-użu personali tiegħu. Filwaqt li l-akkużat qal li hemm akkużi li huma minnhom u oħrajn li mhumiex, id-Difiża qalet li l-akkużat kien trattat ħażin mill-pulizija.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għal-libertà proviżorja primarjament minħabba li l-akkużat m’għandux indirizz fiss u minħabba li hu għadu taħt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża fuq sentenzi tal-passat.
Quddiem dawn iċ-ċirkostanzi l-Qorti rrifjutat li tagħti l-libertà priviżorja lill-akkużat.
L-Ispettur Frank Anthony Tabone mexxa l-Prosekuzzjoni waqt li l-Avukat Martin Fenech kien l-avukat tal-għajnuna legali.
//= $special ?>