Lokali

RITRATTI: Viva l-jiem tal-karnival! Ara x’tista’ tagħmel fil-jiem li ġejjin

L-ewwel attivitajiet ta’ żfin u wirijiet tal-karrijiet se jibdew fil-5.30pm ta’ llejla.

Għalkemm il-Karnival 2017 infetaħ b’mod uffiċjali lbieraħ waqt ċerimonja organizzata fi Pjazza Teatru Rjal, l-attivitajiet ġenerali tal-pubbliku se jibdew illejla. Madanakollu n-nies xorta waħda rnexxiela tieħu l-opportunità mill-preparamenti li qed isiru u diġà ħadet diversi ritratti mal-karrijiet.

Fir-ritratti jidru l-karrijiet ta’ din is-sena mdawwrin bin-nies li nzertaw kienu qegħdin il-Belt dalgħodu. Minkejja li l-karnival huwa sinonimu mat-tfal wieħed ma jistax ma jinnotax li anki l-kbar jieħdu gost jaraw karajjiet bħal dawn, mżewqa b’kuluri u karattri Maltin. Fost is-satira fit-temi tal-karrijiet ta’ din is-sena wieħed jista’ jsib is-sitwazzjoni li għaddejja fl-Ingilterra, il-Brexit u l-iskandlu tal-Panama Papers. Apparti minn hekk wieħed jista’ wkoll jinnota diversi politiċi Maltin fosthom Konrad Mizzi, Simon Busuttil u Anne Fenech.

L-ewwel attivitajiet ta’ żfin u wirijiet tal-karrijiet se jibdew fil-5.30pm ta’ llejla. Filwaqt li se jkunu qed jiżfnu l-gruppi ta’ sezzjoni A, illejla wkoll se jintwera l-karru tar-Re tal-Karnival.

L-attivitajiet se jkomplu sa’ nhar it-Tlieta kif ġej:

Għada s-Sibt 25 ta’ Frar:

–         9.30am: Karnival tat-tfal fi Pjazza San Ġorġ

–         3pm: Kompetizzjoni taż-żfin fi Pjazza San Ġorġ

–         7pm: Il-Qarċilla fi Pjazza San Ġorġ

Il-Ħadd 26 ta’ Frar:

–         9.30am: Sfilata tal-baned tal-karnival fil-Ħamrun

–         1pm: Sfilata tal-karrijiet fil-Belt Valletta

–         2.30pm: Wirja speċjali fi Pjazza San Ġorġ

It-Tnejn 27 ta’ Frar:

–         10am: Xow taż-żfin fi Pjazza San Ġorġ

–         4pm: Kompetizzjonijiet taż-żfin fi Pjazza San Ġorġ

It-Tlieta 28 ta’ Frar:

–         10am: Sfilata u żfin fi Pjazza Teatru Rjal

–         6pm: Għeluq tal-Karnival 2017 fi Triq Sant Anna

Apparti ċ-ċelebrazzjonijiet fil-Belt se jkunu qed jiġu organizzati attivitajiet tal-karnival f’diversi rħula f’Malta u Għawdex fosthom fiż-Żabbar, Ħal Għaxaq, Ħal Qormi, San Ġiljan, Ħad Dingli, in-Naxxar u n-Nadur Għawdex.