Aġġornata b’stqarrija tal-Pulizija
Raġel ta’ 43 sena kien arrestat wara inċident li fih il-Pulizija kellha tispara tir ta’ twissija lejn żewġ persuni suspettużi li kienu qrib karozza ħdejn il-ground tal-infetti f’Birkirkara.
Minn informazzjoni li għandu NET News jirriżulta li l-każ seħħ għall-ħabta tas-siegħa neqsin għoxrin ta’ filgħodu, meta l-Pulizija ġew infurmati li kienu nstemgħu ħames tiri fl-inħawi. Malli marru fuq il-post, il-Pulizija sabu l-irġiel qrib karozza tat-tip Escort ħdejn il-ground tal-infetti. Il-Pulizija kellhom jisparaw tir ta’ twissija wara li wieħed mill-persuni deher jipponta arma tan-nar lejhom.
Fi stqarrija l-Pulizija ikkonfermaw il-każ u qalu li meta marru fuq il-post, il-Pulizija nnutaw żewġt irġiel, li mal-wasla tagħhom staħbew wara vettura. “Meta l-Pulizija resqu viċin ta’ din il-vettura, persuna minnhom dehret toħroġ idejha u tipponta oġġett fid-direzzjoni tal-Pulizija”, spjegaw il-Pulizija fl-istqarrija tagħhom.
“F’dak il-mument, il-Pulizija sparat tir u dawn il-persuni minnufih ħarbu minn fuq il-post u bdew tfittxijiet mill-Pulizija sabiex dawn jinstabu”, żiedu jgħidu l-Pulizija. Aktar tard, il-Pulizija rnexxielha tarresta raġel ta’ 43 sena li nstab fl-inħawi tal-inċident.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin filwaqt li bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li ħatret diversi esperti biex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntata. Mhux magħruf jekk l-irġiel kienux qed iħejju għal xi serqa jew xi attività kriminali oħra.
//= $special ?>