Tliet atleti Russi se jkunu jistgħu jirritornaw jikkompetu wara li ġew aċċettati mill-bord tad-doping tal-IAAF. Anzhelika Sidorova tal-Pole Vault, l-isprinter Kristina Sivkova u Aleksei Sokirskii tal-hammer throw, kollha laħqu l-kriterji meħtieġa.
Iżda l-federazzjoni tal-atletika Russa baqgħet sospiża mill-kompetizzjoni internazzjonali wara akkużi li l-istat sponsorizza d-doping lill-atleti tiegħu. Sidorova, Sivkova u Sokirskii se jikkompetu bħala atleti newtrali. Il-parteċipazzjoni tagħhom fil-kompetizzjonijiet rispettivi jridu jiġu aċċettati mill-organizzaturi tal-avvenimenti individwali. It-tliet jistgħu jikkompetu fil-Kampjonati Ewropej Indoor li se jsiru f’Belgrade.
Darya Klishina tal-Long Jump u l-isprinter Yulia Stepanova kienu ġew dikjarati eliġibbli qabel. L-IAAF irċeviet 48 applikazzjoni minn atleti Russi biex jikkompetu b’mod independenti, b’28 minnhom jitressqu mill-federazzjoni tal-atletika Russa. Fi stqarrija li kienet għamlet, l-IAAF qalet li sitt applikazzjonijiet ma kinux aċċettati, iżda ma xandret l-ebda isem ta’ dawn l-atleti.
//= $special ?>