Internazzjonali

Atturi Amerikani jappellaw għal azzjoni kontra l-attakk fuq id-demokrazija tal-President Trump

L-attriċi ċelebri Jodie Foster insistiet li issa wasal iż-żmien li l-poplu jqum kontra l-limitazzjoni tal-immigrazzjoni minn seba’ pajjiżi.

Dan sostnietu quddiem għexieren ta’ dimostranti waqt rally bi protesta kontra d-deċiżjonijiet li qed jieħu Donald Trump wara li nħatar bħala President tal-Istati Uniti.

Fost il-kelliema kien hemm ukoll l-istilla tas-saga Back to The Futrue, Michael J.Fox kif ukoll l-eks Segretarju għall-Affarijiet Barranin Brittaniku David Miliband, fejn flimkien ma’ diversi artisti, attendew ukoll għad-dimostrazzjoni tal-United Voices, organizzata mill-United Talent Agency (UTA).

Dan wara li l-UTA kkanċellat il-festin tradizzjonali tal-Oscars bħala protesta.

Quddiem mijiet ta’ nies, Foster saħqet li għalkemm mhux normali toħroġ għonqa f’attiviżmu nazzjonali din id-darba ħasset il-ħtieġa, hekk kif iddeskriviet iż-żmien li għaddejjin minnu l-Istati Uniti bħala wieħed uniku fl-istorja tal-pajjiż.

Dan filwaqt li l-attur Michael J. Fox sostna li l-pajjiż għandu jgħin lil dawk il-persuni li ħallew kollox warajhom għal ħajja aħjar u mhux jurihom il-bieb ta’ barra.

Il-UTA spjegat li organizzat din id-dimostrazzjoni biex l-artisti u l-komunità kreattiva jsemmgħu l-opinjoni tagħhom dwar it-theddida fuq l-libertà tal-espressjoni li din il-Presidenza ġdida donnha qed tqanqal.