Sport

Federer se jibqa’ jilgħab għal tal-anqas 3 snin oħra

It-tennista Żvizzeru Roger Federer mistenni jdum jilgħab minn tal-anqas għal 3 snin oħra.

Dan sar magħruf wara li ffirma kuntratt ta’ tliet snin biex jieħu sehem fl-Indoor Tournament li jsir f’Basel.

Dan ifisser li hu se jibqa’ jilgħab minn tal-anqas sal-2019 meta dakinhar ikollu 38 sena. Minkejja li għandu 35 sena Federer, aktar kmieni din is-sena kompla juri l-klassi tiegħu hekk kif rebaħ l-Open tal-Awstralja meta fil-finali għeleb lir-rivali Rafael Nadal.

Din l-aħbar bla dubju hi waħda tajba għall-organizzaturi ta’ diversi turnaments inkluż dawk tal-Grand Slams. Il-Grand Slam li jmiss hu dak ta’ Franza u dan jibda fit-28 ta’ Mejju u jintemm fil-11 ta’ Ġunju. Il-Grand Slam ta’ warajh hu dak ta’ Wimbledon u dan isir bejn it-3 u 16 ta’ Lulju filwaqt li l-Open tal-Istati Uniti, li jkun l-aħħar Grand Slam tas-sena jsir bejn it-28 ta’ Awwissu u l-10 ta’ Settembru.

Barra minn hekk Federer mistenni jikkompeti fil-Laver Cup f’Settembru li ġej.

Din hi kompetizzjoni ġdida li se ssir għall-ewwel darba fi Praga u li se tlaqqa kontra xulxin lill-aħjar sitt tennisti ewropej kontra l-aħjar sitt tennisti mill-bqija tad-dinja. Il-kompetizzjoni ġiet imsemmija ad unur Rod Laver, it-tennista Awstraljan rebbieħ ta’ 11-il titlu Grand Slam, u li rnexxielku għal darbtejn iwettaq il-Grand Slam, li tfisser li tirbaħ l-aqwa erba’ turnaments fl-istess sena.