Internazzjonali

Għexieren ta’ mejtin wara attakki ġodda fis-Sirja

Il-belt ta’ Homs, fis-Sirja, kmieni dalgħodu spiċċat attakkata minn militanti armati u aggressuri suwiċida li kkonċentraw fuq bażijiet tas-sigurtà fl-inħawi lejn il-Punent.

L-ewwel rapporti qalu li l-mejtin fl-attakki kienu qabżu l-40 waqt li t-Televiżjoni Sirjana sostniet li l-mejtin kienu jinkludu l-kap lokali tas-servizzi sigrieti tal-militar magħruf bħala assoċjat mill-qrib tal-President tas-Sirja, Bashar al-Assad.

Sadanittant, il-grupp militanti Tahrir al-Sham assuma responsabbiltà għad-dmija f’Homs, li ilu taħt il-kontroll tal-Gvern Sirjan mill-aħħar tal-2015.

Il-membri tal-Osservatorju Sirjan għad-Drittijiet Umani li qed janalizzaw l-aħħar dmija fis-Sirja qalu li l-aggressuri, din id-darba, kkonċentraw l-attakki fuq il-kwartieri tas-sigurtà militari f’Homs kif ukoll fuq fergħa tal-entità għas-sigurtà tal-Istat fl-istess zona. L-agħar dmija, intant, kienet irrappurtata qalb iż-żewġ distretti ta’ Ghouta u Mahatta.

Sorsi qrib Tahrir al-Sham qalu, aktar tard, li ‘ħames ġellieda tagħhom kienu ħadu sehem’ fl-azzjoni qattiela’. Jidher ukoll li almenu tlieta minnhom kienu aggressuri suwiċida li tajjru l-isplussivi li kienu qed iġorru fis-siti indikati.