Mara mill-Indoneżja li spiċċat arrestata b’konnessjoni mal-qtil, fil-Malasja, ta’ ħu l-President tal-Korea ta’ Fuq komunista, qalet li hi kienet tħallset l-ekwivalenti ta’ $90 ‘biex tieħu sehem f’ċajta’.
Meta l-mara, Siti Aisay, tkellmet (fil-Malasja) ma’ uffiċjali tal-Ambaxxata Indoneżjana, hi qalet li rċeviet il-flus ‘biex timsaħ likwidu li qalulha kien ‘baby oil’ ma’ wiċċ (il-vittma) Kim Jong-nam’ bħala parti minn ‘ċajta relatata ma’ reality show’.
Il-provi, issa, juru li Kim Jong-Nam – ħu l-President Korean komunista, Kim Jong-un – inqatel minn kimika velenuża, magħrufa bħala VX, li tattakka lin-nervatura tal-ġisem. In-nerve agent VX, fil-fatt, hu klassifikat bħala arma għall-qtil tal-massa mill-Istati Uniti.
Kim Jong-nam tilef ħajtu jiem ilu waqt li kien fl-ajruportinternazzjonali ta’ Kuala Lumpur, u fejn kellu ‘konfront qasir’ ma’ żewġ nisa li avviċinawh f’sala taċ-check-in.
Dan fost spekulazzjoni qawwija li l-Korea ta’ Fuq komunista kienet responsabbli mill-attakk qattiel, bir-reġim komunista fi Pyongyang qed jiċħad dwar dan.
Mara Vjetnamita u raġel mill-Korea ta’ Fuq ukoll spiċċaw arrestati b’konnessjoni mal-qtil ta’ Kim Jong-nam. Intant, il-pulizija qed tfittex għal seba’ suspettati oħra fil-każ.
Id-diplomatiċi Indoneżjani li kellmu lil Siti Aisay qalu li hi qalet biss ‘u b’mod ġenerali’ li xi ħadd kien talabha (u ħallasha) biex twettaq dik li dehret bħala ċajta u li hi kienet iltaqgħet ma’ persuni ‘li dehru qishom Koreani jew Ġappuniżi’. Id-diplomatiċi qalu wkoll li ma raw l-ebda sinjali fiżiċi li Siti Aisay setgħet spiċċat affettwata mill-kimika perikoluża ‘li kienet ħasbitu baby oil’.
L-aħħar rapporti żvelaw li nstabu traċċi tal-VX ma’ wiċċ Kim Jong-nam li, wara l-konfront man-nisa, kien talab l-għajnuna medika ‘minħabba li xi ħadd kien tefa’ xi likwidu f’wiċċu’. Dan qabel hu ħassu ħażin u miet waqt li kienu qed iwassluh lejn l-isptar.