Internazzjonali

Il-Ġermanja: Isuq għal fuq in-nies f’Heidelberg bi tlieta jisfaw midruba

Tliet persuni indarbu fil-belt Ġermaniża ta’ Heidelberg wara li raġel saq karozza b’veloċità għal fuq in-nies li kienu qed jippassiġġaw fi pjazza.

L-aggressur, li jaħsbu li kien armat b’sikkina, indarab wara li sparawlu l-pulizija. Dan waqt konfront mal-qawwiet tal-liġi, li seħħ ftit wara li l-aggressur kien ħarab mix-xena bil-mixi.

Segwi l-filmat tal-isparatura:

L-iskopijiet tal-aggressur ma kienux ċari iżda kien ikkonfermat li hu aġixxa waħdu f’dan il-każ, bil-pulizija ma tissuspettax terroriżmu. Intant ma kienux ikkonfermati rapporti li l-aggressur kien qed ibati bi problemi mentali.

Rapporti li daħlu aktar tard minn Heidelberg qalu li l-aggressur saq ‘karozza tal-kiri’ għal ġon-nies li kienu f’waħda mill-pjazzez ċentrali fejn indarbu n-nies. Wieħed mill-midruba ingħad li kien f’kundizzjoni serja.

F’Diċembru li għadda, aggressur Iżlamiku kien saq trakk għal fuq folla preżenti għal Christmas Market f’Berlin fejn inqatlu 12 il-persuna, b’għexieren oħra jisfaw midruba.