Il-Partit Laburista tar-Renju Unit li ilu s-snin fuq il-bankijiet tal-Oppożizzjoni jinsab fl-aktar punt dgħajjef tiegħu f’nofs-seklu. Dan fil-fehma tal-eks Segretarju għall-Affarijiet Barranin, David Miliband, li jista’ qed jikkunsidra ritorn fil-politika Britannika.
Miliband, li, fl-2010, kien megħlub fit-taqtigħa għat-tmexxija tal-Partit Laburista minn ħuh, Ed, sostna mat-Times ta’ Londra, li hu mħasseb ħafna dwar il-futur tal-partit tiegħu.
Hu ma jaħsibx li ‘din hi sempliċiment ripetizzjoni tas-snin tmenin’ u ħeġġeġ biex il-Laburisti jifhmu tassew in-natura storika tal-isfida li se jkollhom jiffaċċjaw.
David Miliband esprima l-inkwiet tiegħu wara li l-Konservattivi ( fil-Gvern) rebħu s-siġġu ta’ Copeland, b’din tkun l-ewwel darba li Partit fil-Gvern qatt iggwadanja minn by-election f’35 sena.
Intant, il-Kap Laburista attwali, Jeremy Corbyn qal li se jibqa’ fil-kariga wara li l-partit tiegħu rebaħ by-election separat fi Stoke Central. Min-naħa tiegħu, il-Viċi-Kap Laburista, Tom Watson qal li ‘filwaqt li issa mhux iż-żmien li jinbidel il-Kap, il-partit żgur li jrid juri titjib fir-riżultati li qed jikseb’.
Illum, David Miliband hu l-Kap tal-International Rescue Committee fi New York, fejn qed jgħin lill-impenji għat-trażżin tal-kriżi umanitarji madwar id-dinja. Meta kien mistoqsi jekk hux jippjana comeback fil-politika Britannika, hu wieġeb li ‘filwaqt li ma jafx x’jista’ jagħmel ‘il quddiem, hu ma jarax għalfejn il-politika trid tibqa’ bilfors bieb magħluq’.
Il-kritika ta’ Miliband dwar il-Laburisti, intant, qed tingħata prominenza waqt li diversi nies qrib il-partit qegħdin iħeġġu lil Corbyn biex ‘ma jwaħħalx f’ħaddieħor u jaċċetta responsabbiltà’ għat-telfa tas-siġġu f’Copeland, f’Cumbria, li kien ilu rappreżentant minn deputat Laburista għal dawn l-aħħar 80 sena.
Min-naħa tagħha, il-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May, li hi wkoll il-Kap tal-Konservattivi, tinsab ferħana ħafna bir-rebħa f’Copeland u qalet li t-trijonf juri ‘li l-Gvern tagħha qiegħed jaħdem għal kulħadd’.
//= $special ?>