Lokali

Indikazzjonijiet inkwetanti fil-finanzi tal-Gvern

L-istatistika ppublikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-aħħar jiem dwar il-finanzi tal-Gvern tikkonferma żieda fl-ispiża rikorrenti tal-Gvern u tnaqqis sostanzjali fl-ispiża kapitali. Fil-Fatt it-tnaqqis fl-ispiża kapitali jammonta għall-tlettax-il miljun ewro. Dan it-tnaqqis fl-ispiża kapitali kkontribwixxa għat-tnaqqis fid-defiċit matul Jannar li għadda.
Saħaq dan il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Shadow Minister tal-Finanzi Mario de Marco fi stqarrija b’reazzjoni għal din l-istatistika.
Mario de Marco qal li meta tikkompara n-nefqa tal-Gvern bejn Jannar 2017 u Jannar 2015 hemm indikaturi inkwetanti u li mhumiex sostennibbli. Mario de Marco qal li l-ispiża kapitali li tfisser proġetti tnaqqset minn 30 miljun għal għaxar miljuni fil-waqt li l-ispiża rikorrenti li tfisser spiża fil-pagi fost l-oħrajn żdiedet b’29 miljun ewro. Fost oħrajn kien hemm żieda ta’ €5 miljun f’pagi ta’ ħaddiema tas-servizz pubbliku, żieda ta’ €5 miljuni f’dik li hi l-operat u manutenzjoni u żieda ta’ €3 miljun f’nefqa ta’ interessi.
F’dak li hu d-dħul tal-Gvern f’Jannar 2017 kien hemm żieda ta’ €51 miljun, imma nofs dan id-dħul ġej minn għotjiet l-aktar fondi Ewropej.
Id-dejn tal-Gvern f’Jannar li għadda żdied b’€61 miljun meta kkomparat ma Jannar tas-sena ta’ qabel u żdied bi €301 miljun meta kkomparat ma Jannar tal-2015.

Mario de Marco saħaq li din l-istatistika tindika mod ta’ infiq li mhux sostenibbli. Semma kif l-ispiża kapitali li hi essenzjali biex tassigura li jkun hemm proġetti li jżommu l-pajjiż kompettitiv qed tonqos sena wara l-oħra.

Minn naħa l-oħra l-ispiża rikorrenti qed tibqa’ tiżdied hekk kif il-Gvern qed ikompli jimpjega aktar nies f’Positions of Trust, fatt li anke kien innnotat mill-Fond Monetarju Internazzjonali. Mario de Marco semma kif id-dejn kompla jiżdied u dan se jkollu jinġarr mill-ġenerazzjonijiet futuri.