Lokali

Ippublikat ktieb bit-tagħlimiet u taqbiliet ta’ Ġorġ tal-Mużew

Ġorġ Agius, jew kif inhu magħruf aħjar bħala Ġorġ tal-Mużew ta kontribut kbir lis-soċjetà Maltija u żgur li ħafna jafuh bħala l-bniedem li ta l-wens lil eluf ta’ pazjenti fl-isptarijiet.

Bniedem li ta ħajtu biex ixerred il-kelma t’Alla bl-istil tiegħu, bit-taqbil sinonimu miegħu.

 

Iżda li sfortunatament, minħabba li Ġorġ ma jafx jikteb u jaqra, dawn it-taqbiliet setgħu jintilfu, li kieku mhux għall-inizjattiva tal-kumpanija 24Seven Media li tat ħajja lil proġett bl-isem ta’ ‘Maltin’ u li għandu l-għan li jirrikonoxxi lil personaġġi bħal Ġorġ waqt ħajjithom għall-kontribut li taw lis-soċjetà.

Tonio Bonello, il-moħħ wara dan il-proġett, jiddeskrivi l-emozzjoni sabiħa li kellu l-opportunità jaħdem mill-qrib ta’ Ġorġ. Bħalissa għaddej ukoll ix-xogħol fuq it-tieni ktieb minn din is-sensiela – dak dwar ħajjet u xogħol il-kantant Freddie Portelli.