Sport

Duncan Micallef jirbaħ l-Isportiv tas-Sena għall-ewwel darba

Ir-rebbieħa kollha ta’ SportMalta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali

Duncan Micallef kiseb l-unur tal-Isportiv tas-Sena għall-ewwel darba, fl-aktar unur prestiġġjuż tal-Isport Malta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali, li saret ilbieraħ filgħaxija f’Dar il-Mediterran għal Konferenzi fil-Belt Valletta.

Duncan Micallef (xellug) jirċievi l-unuri (Ritratt: DOI)

Micallef kiseb 89 punt kontra t-80 punt tal-eqreb rivali tiegħu Stevie Camilleri, li kien rebaħ l-unur is-sena l-oħra. B’kollox ingħataw 12-il unur, seba’ minnhom bil-voti tal-ġurija magħmula minn tmien ġurnalisti sportivi.

Tiziana Carannante tat-Ten Pin Bowling rebħet l-unur tal-Isportiva tas-Sena wkoll għall-ewwel darba b’total ta’ 94 punt filwaqt li t-Tennista Helene Pellicano rebħet l-unur ta’ Żagħżugħa tas-Sena b’total ta’ 100 punt.

Il-futbol kien protagonista f’din is-serata hekk kif dan l-isport kiseb tliet unuri. Ir-referee Esther Azzopardi li ftit ġimgħat ilu ħabbret li rtirat, rebħet l-Uffiċjal tas-Sena b’total ta’ 94 punt, 16 aktar mill-President tal-Malta Basketball Association Paul Sultana. Silvio Vella rebaħ l-unur tal-Kowċ tas-Sena b’total ta’ 110 punt filwaqt li t-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena, rebaħ l-unur tat-Tim tas-Sena b’84 punt, bit-tim nazzjonali A tal-Waterpolo, jispiċċa fit-tieni post b’69 punt.

Ben Plumpton tal-Waterpolo, kiseb l-unur taż-Żagħżugħ tas-Sena għat-tieni sena konsekuttiva wara li għeleb l-isfida ta’ Gary Giordimaina hekk kif kien hemm biss żewġ punti differenza fil-punteġġ finali.

Fost l-unuri l-oħra, ingħataw l-unuri tal-Ispecial Olympics fejn Mark Bugeja rebaħ il-kategorija tal-irġiel filwaqt li Anne Marie Bugeja rebħet il-kategorija tan-nisa. Joe Bajada rebaħ l-unur dedikat għall-Għawdxin u l-Kampjonati Internazzjonali tal-Badminton ġie magħżul bħala l-avveniment tas-sena. Il-President tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu u l-fundatur tal-Assoċjazzjoni tal-BMX John Zammit, rebaħ l-unur tal-People’s Choice Award.

Waqt is-serata, numru ta’ kelliema għamlu d-diskors tagħhom, bil-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Charles Camenzuli jgħid li din kienet l-aħħar avveniment tiegħu bħala President, hekk kif se jibda jokkupa l-kariga ta’ President tal-AIPS Europe.