Lokali

FILMAT: “Gvern immexxi minni jħares is-sigurtà tagħkom” – Il-Kap tal-PN Simon Busuttil

Bil-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, pajjiżna jkollu Korp tal-Pulizija li jiddefendi lin-nies, u fejn in-nies ikollhom moħħhom mistrieħ li l-Pulizija qed tiddefendi lill-poplu u mhux lill-Gvern.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan meta kien qed jitkellem fil-każin tal-Partit Nazzjonalista f’Birkirkara.

Simon Busuttil irrefera għal sensiela ta’ żvilippi li ikomplu jikkonfermaw kemm il-Kummissarju tal-Pulizija huwa inkompetenti u pupazz tal-Gvern. Fost dawn, il-mod kif il-Kummissarju għadu qed jirrifjuta li jinvestiga r-rapport tal-FIAU dwar l-iskandlu tal-Panama, u dan bil-barka ta’ Gvern li jinsab ċass quddiem każ li kollox jipponta li hu każ ta’ ħasil tal-flus.

“Għaliex quddiem dikjarazzjoni daqsekk ċara, il-Prim Ministru ħalliehom hemm u m’għamel xejn?” staqsa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li staqsa jekk jistax ikun li Muscat hu marbut li ma jkeċċiehomx.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nnota wkoll li kull ma jmur, qed jiżdiedu l-inċidenti b’karozzi bomba hekk kif f’pajjiżna għaddejja kriminalità organizzat kbira; inċidenti li jħassbu lin-nies.

Irrefera wkoll għall-aktar każ riċenti ta’ indħil politiku fil-Pulizija, fejn tħallew jinbidlu l-verżjonijiet ta’ żewġ persuni arrestati fuq traffikar ta’ droga. Kien hawnekk fejn fakkar li hu m’għandux fiduċja fil-Kummissarju u appella lill-Kummissarju biex jaqbad u jitlaq b’ġieħ is-serjetà, l-onestà u l-verità.

Simon Busuttil qal li qatt daqs illum il-Pulizija ma spiċċat f’dan l-istat, u se jkun Gvern Nazzjonalista li jerġa’ jdaħħal il-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-liġi li jrid idaħħal il-Gvern biex jagħlaq ħalq il-libertà tal-espressjoni fuq l-internet u fakkar li l-Partit Nazzjonalista mhux biss jopponi din il-liġi, iżda se jagħti struzzjonijiet biex tkun injorata ladarba tiddaħħal filwaqt li tenna l-impenn li Gvern ġdid Nazzjonalista, ineħħi din il-liġi immedjatament.

Simon Busuttil temm b’appell biex fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, il-poplu jagħżel in-normalità u temm jgħid li hu l-Partit Nazzjonalista li jista’ joffri tama ta’ gvern nadif, serju u onest li jservi lin-nies.