Aġġornata b’filmat
Żagħżugħ tilef ħajtu traġikament wara li kien involut f’inċident tat-traffiku, li matulu ħabat b’quadbike li kien qed isuq ma’ karozza tal-linja.
Iż-żagħżugħ Rhys Celeste ta’ 24 sena, li hu residenti Birżebbuġa, kien qed isuq quadbike għall-ħabta tal-5.15 ta’ waranofsinhar fi Vjal Millbrae, il-Mosta. Żona magħrufa bħala t-Telgħa ta’ Burmarrad.
Hu kien qed isuq fid-direzzjoni lejn Burmarrad, meta għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-quadbike li kien qed isuq b’konsegwenza li spiċċa fuq il-karreġġjata l-oħra.

Bl-impatt qawwi, iż-żagħżugħ tar minn fuq il-quadbike u fuq il-post minnufih issejjħu l-uffiċjali tal-emerġenza li pprovaw jagħtu l-ewwel għajnuna. Madanakollu, sfortunatament, iż-żagħżugħ kien iċċertifikat mejjet fuq il-post.
Fuq il-post marru numru ta’ pulizija, fosthom mit-taqsima tal-RIU u mid-Distrett.
