Amir Khan se jiġġieled għat-titlu WBO welterweight kontra ċ-Champion preżenti Manny Pacquiao f’April, wara li ż-żewġ ġellieda kkonfermaw dan fuq twitter.
L-aħħar ġlieda ta’ Khan seħħet f’Mejju tas-sena l-oħra, bil-Brittaniku jsofri r-raba’ telfa tal-karriera kontra l-Messikan Saul ‘Canelo’ Alvarez. Pacquiao li hu Fillippin u llum għandu 38 sena, kien għeleb lil Timothy Bradley u Jessie Vargas biex rebaħ it-titli WBO u welterweight fl-aħħar żewġ ġlidiet. Hu kien tilef it-titli preċedenti f’Mejju tal-2015 kontra Floyd Mayweather Jr fl-MGM Arena. It-tnejn ħabbru li l-ġlieda ta’ bejniethom se sseħħ fit-23 ta’ April.
Pacquiao kien ħoloq votazzjoni fuq twitter, biex isaqsi lill-madwar 100,000 persuna li jsegwuh biex jivvutaw bejn Khan, l-Awstralja Jeff Horn, l-Amerikan Terence Crawford jew Kell Brook biex minnhom xi ħadd jiġġieled kontrih.
Il-post għad irid jintgħażel b’xi rapporti matul il-ġimgħa li għaddiet jgħidu li hemm l-għażla bejn Bolton jew Manchester kif ukoll l-Emirati Għarab Maqgħuda.
Khan, li kien rebaħ il-fidda fid-diviżjoni lightweight fl-Olimpjadi ta’ Ateni fl-2004, kellu bħala kowċ lil Freddie Roach, iżda spiċċa minn miegħu fl-2012. Roach hu bħalissa l-kowċ ta’ Pacquiao.
Il-Fillippin kien irtira mill-isport f’April tas-sena l-oħra, fejn kien qal li se jiffoka aktar fl-irwol il-ġdid ta’ senatur ta’ pajjiżu wara li kien rebaħ l-elezzjoni f’pajjiżu. Hu kien irritorna f’Novembru li għadda b’rebħa fuq Vargas, liema rebħa kienet id-59 waħda tal-karriera.
//= $special ?>