Futbol Sport

Manchester United jirbħu l-EFL Cup f’partita mill-isbaħ

Il-captain Wayne Rooney jgħolli t-tazza wara l-partita (Ritratt: EPA)

Manchester United rebħu l-EFL Cup għal ħames darba fl-istorja tagħhom meta għelbu lil Southampton 3-2 f’Wembley Stadium f’partita mill-isbaħ. L-eroj għat-tim ta’ Mourinho kien l-attakkant Zlatan Ibrahimovic awtur ta’ doppjetta.

Manchester United fetħu l-iskor fid-19-il minuta permezz ta’ Zlatan Ibrahimovic li għeleb lil Forster bi ġmiel ta’ free-kick. Huma rduppjaw fit-38 minuta meta kien Jesse Lingard li rċieva mingħand Marcos Rojo, u skurja b’xutt għar-rokna.

Southampton naqsu d-distakk qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ Manolo Gabbiadini li antiċipa lil De Gea wara kross mil-lemin. L-attakkant Taljan ġab id-draw fil-ftuħ tat-tieni taqsima meta minn korner ta’ Ward-Prowse, għeleb lil De Gea b’gowl ta’ opportunist.

Manchester United skurjaw il-gowl tar-rebħa fis-87 minuta meta minn kross ta’ Herrera, kien Zlatan Ibrahimovic li żmarka ruħu tajjeb u mill-viċin għeleb lil Forster b’daqqa ta’ ras.