Lokali

Manfred Galdes jgħid li investiga kollox dwar l-iskandlu tal-Panama

L-eks Direttur tal-FIAU Manfred Galdes
L-eks Direttur tal-FIAU qal lill-Kumitat PANA li ma kienx hemm ġebla waħda li ma dawwarx biex jinvestiga kollox. Ir-rapport inżamm mill-Gvern u l-Pulizija fuq l-ixkaffa

Manfred Galdes, l-eks Direttur tal-FIAU (l-aġenzija Maltija ta’ kontra l-ħasil tal-flus) ikkonferma li hu investiga kollox dwar l-iskandlu tal-Panama.

Irrappurtat dan il-gazzetta Sunday Times of Malta f’rapport li fih qalet li Manfred Galdes għamel din il-konferma waqt li kien qed jiġi mistoqsi mill-kumitat PANA nhar it-Tnejn li għadda. Il-kumitat PANA kien f’Malta biex jinvestiga l-iskandlu tal-Panama u l-involviment ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Ir-rapport ta’ The Times jgħid li Manfred Galdes qal lil dan il-kumitat li ma kienx hemm ġebla waħda li ma dawwarx biex jinvestiga kollox. Għalkemm lill-kumitat PANA ma qallux x’inhuma l-konklużjonijiet tar-rapport, fl-aħħar jiem ġie żvelat li dan ir-rapport kien qed isejjaħ għall-prosekuzzjoni ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Manfred Galdes kien irriżenja minn direttur tal-FIAU ftit wara li r-rapport kien preżentat lill-eks Kummissarju Michael Cassar. Min-naħa tiegħu, l-eks Kummissarju Michael Cassar ukoll kien irriżenja ftit wara li rċieva dan ir-rapport. Sadnittant, il-Kummissarju preżenti Lawrence Cutajar, li ġie deskritt mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil bħala “pupazz” li jgħatti xtur il-Gvern, irrifjuta li jgħid għaliex għadu ma ħax passi dwar dan l-istess rapport.